1 minute read

12. Premju Ċittadin Ewropew

12

Premju Ċittadin Ewropew

12. PREMJU ĊITTADIN EWROPEW

Nhar it‑Tlieta 9 ta’ Novembru 2021 Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza u s‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad‑Dar ġew ippreżentati biċ‑ċertifikat tal‑Premju Ċittadin Ewropew 2021 fi Brussell. Il‑preżentazzjoni saret mill‑Viċi President tal‑Parlament Ewropew u Kanċellier tal‑Premju Ċittadin Ewropew, Dita Charanzovà waqt ċerimonja li saret apposta fis‑Sala Paul‑Henri Spaak, fil‑bini tal‑Parlament Ewropew.

Ms Charanzovà qalet li l‑proġetti kollha rebbieħa għas‑snin 2020‑2021 huma l‑eżempji, l‑ispirazzjonijiet u l‑eroj vera għall‑ħidma tagħhom fis‑soċjetà.

Qabel il‑bidu taċ‑ċerimonja, Fr Martin u s‑Sinjura Camilleri Cassano iltaqgħu mal‑ MEPs Maltin, Roberta Metsola, Josianne Cutajar u Alex Agius Saliba. Waqt iċ‑ċerimonja tal‑preżentazzjoni tal‑midalja kommemorattiva li saret fl‑uffiċċju f’Malta tal‑Parlament Ewropew fit‑28 ta’ Ottubru 2021, Fr Martin esprima l‑apprezzament tar‑rikonoxximent mill‑Parlament Ewropew u qal li l‑istrateġija tal‑Unjoni Ewropeja għall‑persuni b’diżabilità bejn l‑2021 u l‑2030 hija mibnija madwar ir‑rikonoxximent tad‑drittijiet mogħtija fil‑pajjiżi varji minn pajjiżi oħra fl‑Ewropa; ħajja independenti u, fejn possibbli, awtonoma u t‑tneħħija tad‑diskriminazzjoni u l‑ħolqien ta’ opportunitajiet indaqs f’kull livell possibbli. Fr Martin temm jgħid li rikonoxximent ta’ din il‑ħidma fuq livell Ewropew “ikompli jinkoraġġina fl‑impenn tagħna, biex ħidmietna fid‑Dar tal‑Providenza tkompli tissaħħaħ, u kif ukoll li s‑sens ta’ dinjità lill‑persuni b’diżabilità, jkompli jitkattar f’kull ħidma li jsir f’dan il‑qasam.”

Il‑Kap tal‑Uffiċċju tal‑Parlament Ewropew f’Malta, Dr Mario Sammut, qal li minkejja d‑diffikultajiet li ħabbtet magħhom waqt il‑pandemija, id‑Dar tal‑Providenza kompliet tipproteġi lil dawk l‑aktar vulnerabbli

fis‑soċjetà Maltija. Żied jgħid li x‑xogħol eċċellenti li sar f’ċirkostanzi tant diffiċli juri l‑aqwa tal‑valuri Ewropej. Ir‑rikonoxximent ta’ dan l‑isforz u ta’ din id‑dedikazzjoni huwa ta’ importanza kbira għall‑Parlament Ewropew.

Dr Agius Saliba qal li d‑Dar tal‑Providenza u l‑proġett tagħha ‘Monument tal‑Ħniena’ juri lill‑Istituzzjonijiet Ewropej kollha “dak li l‑Maltin konna diġà privileġġjati li nkunu nafu.” Huwa faħħar ix‑xogħol li tagħmel id‑Dar tal‑Providenza u lil Fr Martin personalment għall‑ħidma bi spirtu ta’ komunità li jinħass mar‑raħal kollu tas‑Siġġiewi.

This article is from: