11 minute read
8. Attivitajiet u inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi
08
Attivitajiet u inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi
8. ATTIVITAJIET U INIZJATTIVI TA’ ĠBIR TA’ FONDI
8.1 Festa ta’ Ġenerożità nhar l‑Ewwel tas‑Sena
Fl‑ewwel tas‑sena 2021, waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid‑Dar tal‑Providenza biex jinġabru fondi għad‑Dar, inġabret is‑somma rekord ta’ €1,365,556.
Filgħodu, l‑Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa fil‑kappella tad‑Dar tal‑Providenza mgħejjun minn Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad‑Dar. L‑Arċisqof enfasizza l‑barkiet ta’ Alla fis‑silta mill‑Ktieb tan‑Numri fl‑ewwel qari tal‑quddiesa: Huwa qal li dawk kollha li qatt żaru d‑Dar tal‑Providenza jifhmu malajr kif il‑Mulej juża persuni normali biex bihom jagħmel ħwejjeġ kbar. Hekk għamel meta uża lil Mons. Mikiel Azzopardi biex iwaqqaf dar għal persuni b’diżabilità u għal dawn l‑aħħar ħamsa u ħamsin
sena r‑residenti sabu dar li ħadet ħsiebhom bir‑rispett sħiħ tad‑drittijiet u d‑dinjità tagħhom. Huwa rringrazzja lill‑ħaddiema u l‑volontiera kollha li qed jieħdu ħsieb u jipproteġu r‑residenti u lill‑ħaddiema sħabhom f’dan iż‑żmien ta’ pandemija. Mons. Scicluna rrefera għall‑pandemija u qal li t‑teħid tal‑vaċċin għalkemm mhuwiex obbligatorju imma huwa wkoll dover tagħna biex nuru li, bħala ċittadini, aħna kapaċi nieħdu ħsieb tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna.
Il‑parti importanti tal‑ġbir tal‑flus għad‑Dar inklużi l‑appelli, telefonati eċċ. saret fl‑istudios ta’ We Media f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl. Matul il‑maratona kien hemm fl‑istudios l‑E.T. il‑President ta’ Malta, Dr George Vella u s‑Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l‑Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi, il‑President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca u permezz ta’ Skype I‑Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma u l‑Kap tal‑Oppożizzjoni Dr Bernard Grech u s‑Sinjura Grech. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż‑żewġ naħat tal‑Kamra tad‑Deputati kif ukoll delegati tal‑partiti politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t‑telefonati tal‑pubbliku.
Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid‑Dar f’isem il‑komunità parrokkjali.
Ix‑xandira televiżiva bdiet f’nofsinhar u baqgħet sejra sa nofsillejl meta tħabbret is‑ somma totali. TVM2, ONE TV u NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix‑xandira diretta ta’ madwar tnax‑il siegħa.
8.2 Dress Down Days b’risq id‑Dar tal‑Providenza mill‑Kumpanija Laferla Insurance
Nhar il‑5 ta’ Mejju 2021, il‑Kumpanija Laferla Insurance għamlet donazzjoni ta’ €1,200 lid‑Dar tal‑Providenza bħala parti mill‑inizjattiva ta’ karità mill‑kumpanija. L‑impjegati jkollhom Dress Down Days li matulhom jinġabru fondi li magħhom tiżdied l‑għotja mid‑Diretturi u dawn jingħataw lil xi organizzazzjoni volontarja li tintgħażel mill‑impjegati stess.
Is‑Sur Keith Laferla, d‑Direttur Eżekuttiv ta’ Laferla Insurance, qal li l‑kumpanija hija kommessa li tkompli tgħin u tagħti lura lill‑komunità kull meta u kull fejn ikun hemm il‑ħtieġa. Huwa żied jgħid li jinsabu kburin bil‑grupp ta’ impjegati li għandhom, u li jieħdu din l‑inizjattiva bil‑qalb b’turija li l‑kultura ta’ responsabbiltà soċjali li tħaddan il‑kumpanija hija tassew it‑timbru rappreżentattiv ta’ Laferla Insurance. Minħabba l‑COVID‑19 kellhom jadattaw id‑‘Dress Down Days skont is‑sitwazzjoni imma l‑għan ewlieni li jinġabru fondi meħtieġa baqa’ l‑istess.
8.3 Il‑benefatturi tal‑grotta tal‑Madonna ta’ Lourdes fil‑Marsa b’donazzjoni lid‑Dar tal‑Providenza
Nhar l‑10 ta’ Mejju 2021, is‑Sur Joseph Vella, li jieħu ħsieb il‑grotta tal‑Madonna ta’ Lourdes fi Triq Diċembru Tlettax fil‑Marsa flimkien ma’ ibnu Mario u għadd ta’ volontiera, ippreżenta għotja ta’ €1,140 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza. Il‑preżentazzjoni saret fi tmiem quddiesa kkonċelebrata fil‑knisja parrokkjali tat‑Trinità Qaddisa fil‑Marsa. Din is‑somma nġabret matul is‑sena minn għotjiet li ngħataw fil‑grotta minn devoti tal‑Madonna ta’ Lourdes.
Dan l‑avveniment ta’ kull sena, beda fl‑1981 u kien Mons. Mikiel Azzopardi l‑fundatur tad‑Dar tal‑Providenza, li qaddes l‑ewwel quddiesa f’din il‑grotta. Minħabba l‑miżuri meħuda mill‑Awtoritajiet tas‑Saħħa marbuta mal‑pandemija COVID‑19 il‑quddiesa saret fil‑knisja parrokkjali minflok quddiem il‑grotta stess kif kien isir fis‑snin ta’ qabel.
Nhar il‑Ħadd 3 ta’ Lulju 2021, id‑Dar tal‑Providenza organizzat maratona televiżiva b’risq id‑Dar li fiha nġabret is‑somma ta’ €512,870. Minħabba ċerti restrizzjonijiet li kienu għadhom qed jiġu infurzati mill‑Awtoritajiet tas‑Saħħa minħabba l‑COVID‑19, il‑programm sħiħ kien imtella’ fuq linji ta’ dak li sar fil‑maratona tal‑Festa ta’ Ġenerożità tal‑ewwel tas‑sena. Fil‑fatt il‑maratona saret fl‑istudios ta’ We Media, f’Ħal Qormi.
Matul il‑maratona f’waqtiet differenti kien hemm fl‑istudios il‑President ta’ Malta, Dr George Vella u s‑Sinjura Vella, il‑President Emeritus Marie‑Louise Coleiro Preca, l‑Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea‑Curmi u l‑Kap tal‑Oppożizzjoni u tal‑Partit Nazzjonalista,
Dr Bernard Grech u s‑Sinjura Grech. Attendew ukoll għadd ta’ Ministri, Segretarji Parlamentari u membri parlamentari miż‑żewġ naħat tal‑Kamra tad‑Deputati kif ukoll delegati tal‑partiti politiċi ewlenin li qattgħu ħin iwieġbu t‑telefonati u jieħdu d‑donazzjonijiet.
Ix‑xandira televiżiva bdiet f’nofsinhar u baqgħet sejra sa nofsillejl meta tħabbret is‑somma totali. TVM2, ONE TV, NET TV, FLiving u Smash TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix‑xandira diretta ta’ madwar tnax‑il siegħa. Matul ix‑xandira taw sehemhom għadd ta’ kantanti ewlenin Maltin li fis‑snin l‑imgħoddijja irrappreżentaw lil Malta fil‑Eurovision Song Contest.
8.5 Il‑Friends of Providence House NSW b’donazzjoni ta’ $9,000 Dollari Awstraljani (AUD) lid‑Dar tal‑Providenza
Il‑grupp Friends of Providence HouseNSW għamel għotja ta’ $9,000 AUD lid‑Dar tal‑Providenza. Iċ‑ċekk ġie ppreżentat waqt il‑maratona ta’ ġbir ta’ fondi li sar nhar il‑Ħadd 3 ta’ Lulju 2021. Din is‑somma nġabret f’dawn l‑aħħar sentejn u s‑soltu kienu jinżlu Malta rappreżentanti tal‑grupp biex jippreżentaw id‑donazzjoni lil Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar, waqt il‑maratona tal‑volleyball li f’dawn l‑aħħar sentejn kellha titħassar minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19.
Il‑Friends of Providence House NSW bagħtu jirringrazzjaw lill‑komunità Maltija fl‑Awstralja li għal darb’oħra reġgħet għenet finanzjarjament flimkien ma’ benefattur ġeneruż li xtaq li jibqa’ anonimu. Huma rringrazzjaw ukoll lill‑isponsor ewlieni, George Vella ta’ Breakaway Travel ta’ Blacktown kif ukoll lill‑midja Maltija fl‑Awstralja, Leħen il‑Maltin tal‑Awstralja u The Maltese E‑Newsletter għall‑appoġġ kontinwu tagħhom. Jim Borg, il‑koorindatur tal‑Friends of Providence House NSW, flimkien mat‑tim tiegħu, Marisa Previtera (Segretarja) u Miriam Friggieri (Kaxxiera) jżommu kuntatt regolari ma’ Fr Martin u jieħdu ħsieb li kull sena jorganizzaw inizjattivi għal ġbir ta’ flus b’risq id‑Dar tal‑Providenza fl‑Awstralja.
8.6 BBQ mill‑ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb
Kull sena f’Lulju, il‑ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb jorganizzaw BBQ b’risq id‑Dar tal‑Providenza. Din is‑sena minħabba l‑pandemija dan il‑BBQ ma setax isir minħabba r‑restrizzjonijiet imposti mill‑Awtoritajiet tas‑Saħħa. Minkejja dan, dawk li s‑soltu kienu jattendu xorta ikkontribwew biex setgħet tinġabar is‑somma sabiħa ta’ €5,600. Din is‑somma kienet ippreżentata lid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef mis‑Sur Vella Petroni u s‑Sinjura Xuereb.
8.7 Id‑Djarju tad‑Dar
Din is‑sena d‑Dar reġgħet ippreparat djarju f’forma ta’ ktejjeb żgħir li jista’ jinżamm fil‑but għas‑sena 2022. Dan id‑djarju jinkludi l‑ħinijiet tal‑quddies kollu li jsir fil‑knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex kemm fil‑Ħdud kif ukoll fil‑ġranet l‑oħra. Wieħed isib ukoll lista tal‑festi parrokkjali kollha fiż‑żewġ gżejjer għas‑sena 2022.
Dan id‑djarju tqassam b’xejn lil kull dar f’Malta u Għawdex bejn Settembru u Ottubru 2021, flimkien ma’ envelop bl‑indirizz tad‑Dar biex min irid, jagħti donazzjoni lid‑Dar permezz tal‑posta.
Fil‑ġimgħat ta’ qabel beda jitqassam dan id‑Djarju, għadd kbir ta’ volontiera fosthom volontiera mill‑Parroċċi ta’ Ħ’Attard, ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara u l‑Mellieħa. Grupp ta’ volontiera Għawdxin taw daqqa t’id fl‑ippakkjar ta’ dawn id‑djarji f’envelopes apposta minn djarhom stess.
Il‑MAPFRE MSV Life plc u GasanMamo Insurance sponsorjaw l‑istampar tad‑djarju. Din is‑sena l‑MaltaPost reġgħet qassmet dan id‑djarju b’xejn. Mill‑envelopes kannella li ntbagħtu mad‑djarji biex wieħed jista’ jibgħat fihom donazzjoni kellna dħul ta’ €163,124. Ir‑ritratt bil‑kulur li hemm fuq il‑faċċata ta’ quddiem li juri l‑Wied tal‑Grazzja fit‑triq bejn ir‑Rabat u Marsalforn, huwa kien tal‑fotografu Ian Noel Pace.
8.8 Wirja tal‑Arti xogħol ta’ Wibke Siefert b’risq id‑Dar tal‑Providenza
Nhar il‑25 ta’ Ottubru 2021, kienet inawgurata wirja ta’ pitturi xogħol ta’ Wibke Siefert fix‑Xara Palace fl‑Imdina bl‑isem ‘Kinds of Home’. Kwart mid‑dħul mill‑bejgħ ta’ dawn ix‑xogħlijiet tal‑arti mar għad‑Dar tal‑Providenza.
Wibke Siefert hija ta’ oriġini Ġermaniża. Il‑familja tagħha ilha tgħix Malta sa mill‑1995 u għandhom kumpanija industrijali. Waqt li kienet fi kwarantina fl‑ewwel lockdown parzjali tal‑COVID‑19 f’Marzu tal‑2020, Wibke bdiet tpinġi qawsalli bħalma kienu
qed jagħmlu ħafna oħrajn f’pajjiżna. Hija poġġithom fit‑tieqa u riedet tagħmel iżjed. Tul dan iż‑żmien bdiet tesperimenta b’kuluri taż‑żejt u akwarella, aktar tard b’lino printing, acrylic u bronż u minn dak iż‑żmien ‘l hawn ma waqfetx tpitter.
8.9 Wirja ta’ Xogħlijiet tal‑Arti b’risq id‑Dar tal‑Providenza fil‑Parlament ta’ Malta
Nhar it‑18 ta’ Novembru 2021, wara waqfa ta’ sentejn, fl‑intrata tal‑Parlament ta’ Malta ġiet inawgurata wirja ta’ 106 biċċa xogħol tal‑arti ġentilment mogħtija minn 84 artist, kemm Maltin kif ukoll barranin. Dawn ix‑xogħlijiet ġew irkantati online b’risq id‑Dar tal‑Providenza fl‑1 ta’ Jannar 2022 bħala parti mill‑Festa ta’ Ġenerożità.
Il‑ftuħ uffiċċjali tal‑wirja sar mill‑Ispeaker tal‑Kamra tad‑Deputati, Dr Anġlu Farrugia. Fid‑diskors tiegħu huwa li qal li, “għalkemm din hi ġrajja ta’ 56 sena, aktar milli hi ġrajja tal‑imgħoddi tagħna, din hi esperjenza tagħna llum bħala poplu u nazzjon. Il‑poplu Malti u Għawdxi għandu qalb sensittiva għall‑bżonnijiet ta’ dawk li jeħtieġu l‑għajnuna. Din il‑kuxjenza favur is‑solidarjetà soċjali tikber u tissaħħaħ, dment li lkoll kemm aħna nżommu d‑Dar tal‑Providenza bħala esperjenza ta’ ħajjitna li permezz tagħha ngħinu lill‑persuni b’diżabilità jgħixu b’dinjità.”
Id‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill‑Ispeaker li għal darb’oħra aċċetta bil‑qalb li l‑wirja terġa’ ssir fl‑intrata tal‑bini tal‑Parlament, post ċentrali u aċċessibbli għall‑pubbliku fil‑Belt Valletta. Bl‑appoġġ sħiħ ta’ Dr Farrugia jista’ jingħad li l‑wirja saret avveniment annwali għajr għas‑sentejn li għaddew meta din l‑esibizzjoni kellha titħassar minħabba ċ‑ċirkustanzi tal‑COVID‑19. Din il‑wirja, baqgħet miftuħa għall‑pubbliku sas‑26 ta’ Diċembru 2021. 8.10 Maratona ta’ 30 siegħa ta’ mużika minn Radju 103 Malta’s Heart
Somma sabiħa ta’ €22,630 nġabret b’risq id‑Dar tal‑Providenza matul maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Malta’s Heart organizzata mis‑Sur Arthur Caruana u t‑tim tiegħu.
Il‑maratona bdiet fis‑6.00am tal‑Ħamis, 30 ta’ Diċembru u tmexxiet minn Arthur Caruana akkumpanjat minn żewġ preżentaturi magħrufin Ron Briffa u Ian Busuttil Naudi.
F’diversi waqtiet tal‑maratona mużikali saru messaġġi ta’ appoġġ u appelli għall‑ġbir ta’ fondi tant meħtieġa. Fosthom kien hemm Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, l‑Isqof t’Għawdex Mons. Anton Teuma, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, is‑Supretendent tas‑Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci u Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar.
8.11 Maratona ta’ Qdif fuq ġewwa
Nhar id‑29 ta’ Diċembru, il‑Klabb tal‑Qdief Siġġiewi. organizzaw 10 kilometri ta’ qdif fuq ġewwa fis‑sala tal‑Kunsill Lokali tas‑Siġġiewi. Kienu bosta l‑qaddiefa li pparteċipaw f’din il‑maratona annwali ta’ qdif b’risq id‑Dar, inkluż persuni b’diżabilità nfushom.
Bħal kull sena Radju 15 ta’ Awwissu, fi ħdan is‑Soċjetà Mużikali Santa Marija tal‑Qrendi reġgħet organizzat maratona ta’ 63 siegħa ta’ xandir mill‑istess każin b’risq id‑Dar nhar il‑Ħadd 27 ta’ Diċembru 2020. Waqt din il‑maratona nġabret is‑somma ta’ €22,630 li ġiet ippreżentata waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità 2021, fl‑1 ta’ Jannar 2021.
8.13 L‑Iskema tat‑25c
Bħal kull sena numru sabiħ ta’ kumpaniji u entitajiet governattivi u tal‑Knisja komplew jappoġġjaw lid‑Dar tal‑Providenza permezz tal‑iskema tal‑għoti ta’ 25c mill‑ħaddiema kull xahar. Din is‑sena b’kollox inġabru €18,788.
8.14 Coin Boxes
Id‑Dar tqassam diversi coin boxes f’diversi ħwienet madwar Malta kollha. Volontiera tad‑Dar jgħinu biex jingħaddu dawn il‑flus. B’kollox din is‑sena ġbarna €14,627 minn dawn il‑coinboxes.
8.15 “Karus ta’ Mħabba”
Id‑Dar tal‑Providenza toffri karus mingħajr ħlas lil dawk il‑parroċċi jew skejjel li jixtiequ jħeġġu t‑tfal jissapportjaw lid‑Dar tal‑Providenza. Ma’ dan il‑karus li jissejjaħ ‘Karus ta’ Mħabba’ nqassmu wkoll flyer informattiv, bil‑Malti u bl‑Ingliż biex nispjegaw lit‑tfal u lill‑għalliema, l‑għan ta’ din l‑inizjattiva kif ukoll x’jistgħu jagħmlu aktar biex fis‑soċjetà tagħna l‑persuni b’diżabilità jkunu meqjusa verament indaqs. Din l‑inizjattiva nippreżentawha bħala parti minn katina ta’ inizjattivi li persuna tista’ tagħmel favur il‑persuni b’diżabilità u d‑drittijiet tagħhom. Ħafna drabi dan il‑Karus ta’ Mħabba jintuża fi żmien ir‑Randan.
8.16 Wedding Bookmarks
Id‑Dar toffri bookmarks biex jintużaw minn dawk il‑koppji li jagħżlu li minflok souvenirs tat‑tieġ jagħtu donazzjoni lid‑Dar.
8.16 Okkażjonijiet speċjali u Mwiet
Kull sena jkun hemm ukoll numru ta’ persuni li fl‑okkażjoni ta’ għeluq sninhom jew f’anniversarju tat‑tieġ tagħhom, jorganizzaw festin fejn jistiednu l‑familjari u l‑ħbieb biex minflok rigali jagħtu donazzjoni lid‑Dar tal‑Providenza.
Ikun hemm ukoll min li meta jmut xi membru tal‑familja jagħżlu li minflok fjuri jintbagħtu donazzjonijiet lid‑Dar tal‑Providenza.
8.17 Il‑Bażar
Id‑Dar għandha bażar li jinfetaħ għall‑pubbliku kull nhar ta’ Tlieta filgħodu minn volontiera tad‑Dar. F’dan il‑bażar jinbiegħu oġġetti li l‑pubbliku jagħti lid‑Dar biex jinbiegħu. Din is‑sena d‑Dar daħħlet €20,000 minn dan il‑bażar.
8.19 Uffiċċju fil‑Belt Valletta
Id‑Dar għandha uffiċċju f’Triq San Pawl, il‑Belt Valletta li jiftaħ ta’ kuljum, filgħodu mit‑Tnejn sas‑Sibt. Matul din is‑sena minn dan l‑uffiċċju, id‑Dar daħlet €13,896 f’donazzjonijiet. Din is‑somma hija ftit baxxa billi dan l‑uffiċċju kellu jinżamm magħluq għall‑ewwel xhur tas‑sena.
Din is‑sena ilħaqna ftehim mal‑Catholic Bookshop ta’ Raħal Ġdid immexxija mill‑Azzjoni Kattolika Maltija biex ikunu jistgħu jintlaqgħu donazzjonjet għad‑Dar minn dan il‑post.
Kull sena d‑Dar tal‑Providenza, tistampa 5,000 kalendarju ta’ mal‑ħajt u 1,000 kalendarju għal fuq l‑iskrivanija biex jitqassmu lill‑benefatturi li jiġu d‑Dar waqt il‑ġranet tal‑festi tal‑Milied u l‑ewwel tas‑sena biex jagħtu d‑donazzjoni tagħhom. Ir‑ritratti tal‑kalendarju b’veduti ta’ Malta ttieħdu mis‑Sur Ian Noel Pace.