1 minute read

17. Stqarrijiet għall‑istampa mid‑Dar tal‑Providenza

Stqarrijiet17 għall‑Istampa mid-Dar tal-Providenza

17. STQARRIJIET GĦALL-ISTAMPA MID-DAR TAL-PROVIDENZA Matul din is‑sena d‑Dar tal‑Providenza bagħtet numru ta’ stqarrijiet lill‑istampa dwar l‑attivitajiet tagħha kif ukoll dwar xi affarijiet li jikkonċernawha. Fost l‑istqarrijiet li jispikkaw kien hemm dawk dwar il‑kontroversja tal‑wegħda mill‑CATCO Group tas‑somma ta’ €500,000 għad‑Dar tal‑Providenza waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità 2021. Id‑Dar infurmat lill‑pubbliku li formalment talbet kumpanija lokali stabilita ta’ awditjar u konsulenza biex tagħmel eżerċizzju ta’ verifika qabel taċċetta din id‑donazzjoni.

Id‑Dar tal‑Providenza kienet infurmata minn din il‑kumpanija li ċ‑chairman tal‑Grupp ma pprovdiex l‑informazzjoni relevanti mitluba minnu bħala parti mill‑proċess ta’ verifika. Għaldaqstant id‑Dar tal‑Providenza filwaqt li uriet li apprezzat dan il‑ġest sabiħ, ħasset li ma setgħetx tirċievi din id‑donazzjoni.

Stqarrija importanti oħra kienet dik dwar il‑ħatra tas‑Sur Jesmond Saliba, membru tal‑Bord tad‑Dar bħala l‑Kummissarju l‑ġdid għall‑Għaqdiet Volontarji. F’din l‑istqarrija ntqal li s‑Sur Saliba bħala persuna li ħadem u għandu għal qalbu ħafna dan is‑settur, minkejja li issa se jkollu rwol ta’ regolatur, jista’ jifhem aktar il‑kontribut li l‑għaqdiet volontarji taw u qiegħdin jagħtu f’pajjiżna, kif ukoll il‑limitazzjonjiet u d‑diffikultajiet tagħhom. Id‑Dar irringrazzjat lis‑Sur Saliba għall‑kontribut li ta lid‑Dar għal dawn l‑aħħar għaxar snin bħala membru tal‑Bord, filwaqt li awguratlu ħidma sfieqa favur l‑għaqdiet volontarji, li dawn ikunu aktar trasparenti u kontabbli, imma li fl‑istess ħin iħossu li l‑Kummissarju qiegħed hemm biex jappoġġjahom kontinwament tul it‑triq.

Bħala rikonoxximent għall‑ħidma tiegħu bħala membru tal‑Bord u l‑Management tad‑Dar, Fr Martin Micallef, waqt ikla ad unur tiegħu ippreżentalu pittura ta’ Anna Galea.

This article is from: