2 minute read
1. Min aħna u l‑viżjoni tagħna
01
Min aħna u l‑viżjoni tagħna
1. MIN AĦNA U L-VIŻJONI TAGĦNA Id‑Dar tal‑Providenza li tieħu isimha u l‑kariżma tagħha mill‑Evanġelju u mit‑tagħlim tal‑Knisja Kattolika, twaqqfet minn Mons. Mikiel Azzopardi fl‑1965 bil‑għan li tipprovdi servizzi residenzjali lill‑persuni b’diżabilità. Id‑Dar hi impenjata li tagħti lir‑residenti s‑saħħa li jemmnu fihom infushom f’ambjent li jixbaħ lill‑familja u li jkabbar l‑abbiltajiet tagħhom biex b’hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis‑soċjetà.
1.1 L‑Għanijiet u l‑Valuri
1. Il‑fidi fil‑providenza divina li tidher fil‑mod kif wieħed jaħdem tant li n‑nuqqas ta’ riżorsi ma jkunux ta’ xkiel fil‑ħidma tad‑Dar. 2. Il‑familja hi l‑pedament tas‑soċjetà u għalhekk id‑Dar tipprovdi sapport lill‑familja biex il‑persuna b’diżabilità tkun tista’ tkompli tgħix fil‑familja tagħha jekk din tkun ix‑xewqa tagħha stess. 3. Ikun żvilluppat spirtu komunitarju li jiġi trażmess fil‑mod kif taħdem ħalli l‑persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiddeċiedu għalihom infushom, li jiġi mħares id‑dritt tagħhom għall‑privatezza, li jkunu jistgħu jiddeterminaw ħajjithom huma stess u li jippromwovi l‑interdipendenza u s‑sapport xieraq lill‑persuni li jużaw is‑servizzi tad‑Dar. 1.2 Residenzi tad‑Dar tal‑Providenza u n‑numru tal‑persuni li jużaw is‑servizzi residenzjali
Ir‑residenza prinċipali tinsab fil‑limiti tas‑Siġġiewi u hi maqsuma fi tliet vilel li b’kollox jinkludu disa’ flettijiet. Id‑Dar għandha wkoll erbat idjar żgħar fil‑komunità bl‑isem ta’ ‘Żerniq’ fis‑Siġġiewi, ‘Akkwarell’ fil‑Qawra, ‘Dar Pirotta’ f’Birkirkara u ‘Shalom’ fiż‑Żurrieq. Fi tmiem is‑sena 2020, id‑djar tad‑Dar tal‑Providenza ospitaw 115 resident, 95 minnhom fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi u 20 fid‑djar fil‑komunità (Ħamsa f’Shalom, erbgħa f’Żerniq, tnejn f’Akkwarell u disgħa f’Dar Pirotta).
1.3 Id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza
Id‑Direttur tad‑Dar huwa Fr Martin Micallef. Huwa kien innominat Direttur tad‑Dar mill‑Arċisqof Pawl Cremona O.P. wara li l‑predeċessur tiegħu, Mons. Lawrence Gatt kien maħtur Kanċillier tal‑Kurja Arċiveskovili. Fr Martin Micallef beda l‑ħidma tiegħu bħala d‑Direttur il‑ġdid tad‑Dar tal‑Providenza fl‑1 ta’ Ottubru 2008.
1.4 Liċenzja għall‑Operat
Fis‑sena 2021, id‑djar residenzjali kollha li tmexxi d‑Dar tal‑Providenza kellhom il‑liċenzja tagħhom imġedda mill‑Awtorità tal‑Istandards għall‑Kura tal‑Ħarsien Soċjali (SCSA).