3 minute read

10. Żjarat lid‑Dar tal‑Providenza

10

Żjarat lid‑Dar tal‑Providenza

10. ŻJARAT LID-DAR TAL-PROVIDENZA

10.1 Żjara mill‑Prim Ministru Dr Robert Abela

Fl‑24 ta’ April 2021, il‑Prim Ministru Dr Robert Abela għamel żjara fid‑Dar tal‑Providenza. F’din iż‑żjara li kienet mitluba minnu, kellu laqgħa mad‑Direttur tal‑Dar Fr Martin Micallef, maċ‑Chairperson tal‑Malta Community Chest Fund, is‑Sinjura Marlene Mizzi u d‑Direttur tal‑Caritas Malta, is‑Sur Anthony Gatt. F’din il‑laqgħa kienet diskussa l‑problema tal‑iżball tal‑Go plc u l‑effetti li kellha fuq l‑NGOs affettwati. Il‑Prim Ministru ta l‑kelma tiegħu li l‑Gvern se jassisti lit‑tliet organizzazzjonijiet filantropiċi li sofrew l‑impatt ta’ din il‑problema teknika fis‑sistemi tat‑telefonija fil‑ġbir ta’ fondi li saru fix‑xhur ta’ qabel. Huwa qal li l‑gvern iħoss l‑obbligu li ċerti proġetti li kienu maħsuba li jsiru minn dawn l‑organizzazzjonjiet ma jaqgħux lura u jistgħu jsiru. 10.2 Żjara mill Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna

Fl‑4 ta’ Lulju, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa fil‑kappella tad‑Dar fil‑bidu tal‑jum li fih saret il‑maratona televiżiva għall‑ġbir ta’ fondi b’risq id‑Dar imma wkoll biex jitfakkar l‑għeluq tal‑25 Anniversarju mill‑ordinazzjoni saċerdotali ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza u sħabu s‑saċerdoti.

10.3 Żjara mill‑E.T. Mons. Ġorġ Bugeja OFM, Isqof ta’ Tripli

Nhar it‑Tlieta 14 ta’ Settembru 2021, l‑Isqof ta’ Tripli, l‑E.T. Mons George Bugeja OFM għamel żjara lid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Huwa ikkonċelebra quddiesa flimkien ma’ Fr Martin Micallef, Direttur u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali, fil‑kappella tad‑Dar fil‑preżenza ta’ numru ta’ residenti, ħaddiema u volontiera.

Wara, l‑Isqof Bugeja kellu l‑opportunità jara d‑diversi servizzi li toffri d‑Dar fosthom is‑servizzi tal‑akwaterapija, il‑kmamar multisensorjali, iċ‑Ċentru Agrikolu u ċ‑Ċentru SPRED, fost oħrajn.

L‑Isqof Bugeja rringrazzja lil Fr Martin għall‑istedina tiegħu li jżur id‑Dar, u qal li kien pjaċir kbir għalih li jiltaqa’ mar‑residenti, u jara l‑ħidma imprezzabbli mill‑ħaddiema u dawk li jieħdu ħsieb. Huwa żied jgħid li d‑Dar tal‑Providenza hija verament dar fejn tassew seta’ jħoss il‑preżenza tal‑imħabba ta’ Ġesù riflessa fil‑ħidma u d‑dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti biex jiżguraw li kull persuna tgħix ħajja dinjituża waqt li tingħata għajnuna ħolistika.

10.4 Żjara mill‑Onor. Julia Farrugia Portelli

Fit‑12 ta’ Ottubru 2021, il‑Ministru għall‑Inklużjoni u l‑Kwalità tal‑Ħajja, Julia Farrugia Portelli ltaqgħet fid‑Dar tal‑Providenza ma’ delegazzjoni li wasslu Malta l‑Queen’s Baton, simbolu tal‑Logħob tal‑Commonwealth li mistennija jsiru fl‑2022.

Fil‑fatt, il‑Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li ħassitha tassew onorata li pajjiżna kellu ċ‑ċans li jilqa’ l‑Queen’s Baton. Spjegat kif dan is‑simbolu jirrappreżenta l‑valuri li jgħaqqdu flimkien lin‑nazzjonijiet kollha tal‑Commonwealth. Hija qalet li l‑ħolma tagħha hi li dan is‑simbolu jittrażmetti messaġġ qawwi favur l‑inklużjoni, u fl‑istess ħin jegħleb l‑ostakli u joffri pjattaforma ugwali għan‑nisa u l‑irġiel.

Hu interessanti li din il‑baton iġġorr il‑messaġġ li tkun poġġiet fih ir‑Reġina. Filwaqt li din il‑baton iġib il‑forma tradizzjonali ta’ torċa li tissimbolizza l‑logħob olimpiċi, fl‑istess waqt tinkludi elementi teknoloġiċi, fosthom kamera li tiġbed filmati bi 360 grad; komponenti LED u anke komponenti bħal sensors li jkejlu l‑ambjent tal‑madwar.

10.5 Żjara mill‑MEP Alex Agius Saliba

Fl‑20 ta’ Diċembru, l‑MEP Alex Agius Saliba għamel żjara fid‑Dar tal‑Providenza. Huwa kien milqugħ minn Fr Martin Micallef, Direttur, u mis‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad‑Dar. Huwa kellu l‑opportunità jiltaqa’ ma’ għadd ta’ residenti u s‑support workers tagħhom u ra b’għajnejh is‑servizzi li toffri d‑Dar bħall‑pixxina terapewtika, il‑kmamar multisensorjali, il‑kċina u l‑laundry fost oħrajn.

Is‑Sur Agius Saliba ddeskriva d‑Dar tal‑Providenza bħala proġett uniku ta’ solidarjetà f’pajjiżna. Fuq il‑paġna tiegħu ta’ Facebook huwa ħeġġeġ lil kull min jista’ sabiex jgħin lil din id‑Dar li tant tagħmel ġid fis‑soċjetà Maltija. Ir‑resident Kristian Gregory ippreżentalu hamper ta’ prodotti li jsiru mir‑residenti li jattendu ċ‑Ċentru Agrikolu San Isidor.

This article is from: