4 minute read
Savio D. Borg
52 Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli San Ġorġ Preca 1880 – 1962
60 sena minn mewtu 15-il sena mill-kanonizzazzjoni
Advertisement
Din is-sena qed infakkru żewġ anniversarji b’rabta mal-qaddis Malti San Ġorġ Preca; is-60 sena mill-mewt tiegħu u l-15-il anniversarju mill-kanonizzazzjoni tiegħu. SAVIO D. BORG jikteb dwar il-mumenti ewlenin ta’ ħajjet din il-figura importanti Maltija, pilastru tal-Knisja, benefattur kbir tal-poplu, għalliem ħabrieki tal-Kelma t’Alla u appostlu tal-Evanġelju. Wara, żewġ anzjani Dinglin, JAMES EBEJER u PAUL ABELA, jisiltu mill-memorja tagħhom tifkiriet dwar Dun Ġorġ u l-M.U.S.E.U.M. f’Ħad-Dingli.
San Ġorġ Preca (aktar magħruf bħala Dun Ġorġ), twieled nhar it-12 ta’ Frar 1880, fil-Belt Valletta, u għex il-biċċa kbira ta’ ħajtu l-Ħamrun. Kien is-seba’ wild fost disa’ ta’ Vincenzo u Natalina nee` Ceravolo. Studja fil-Liċeo u fis-Seminarju Maġġuri. Qabel l-ordinazzjoni marad serjament tant li l-Professur Enrico Meli, ta parir lil missieru sabiex ma jħejji xejn għall-ordinazzjoni ta’ ibnu għax ma kellux ħajja twila. Imma ftit qabel l-ordinazzjoni, ħa saħħtu, u ġie ordnat saċerdot nhar it-22 ta’ Diċembru, 1906, minn idejn l-Arċisqof Pietru Pace fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ilBelt.
L-appostolat ċentrali ta’ Dun Ġorġ kien it-tagħlim; kellu ħeġġa u ħerqa kbira li jgħallem il-Kelma t’Alla lill-poplu li kien jinsab f’injoranza reliġjuża kbira. Mhux biss xtaq jgħallem, imma ried jifforma għaqda ta’ lajċi li jkunu mpenjati bl-apostolat tat-tagħlim. Għalhekk beda jiġbor żgħażagħ għal din il-missjoni delikata. Minn fosthom għażel wieħed, Ewġenju Borg, li kellu jkun l-ewwel Superjur Ġenerali. Beda jgħallimhom it-tagħlim tal-Knisja u l-Iskrittura. Għall-ewwel kienu jiltaqgħu fil-knisja ta’ Nuzzo; ftit wara krew post fqajjar f’nru 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Nhar is-7 ta’ Marzu, 1907, inżammet l-ewwel laqgħa f’dan il-post li kellu jkun il-mixtla ta’ din l-opra. Wieħed minn dawk preżenti, ssuġġerixxa l-isem ta’ Mużew. U Dun Ġorġ tant kellu ħerqa li jgħallem, li kull ittra tal-kelma M.U.S.E.U.M. rabat magħha kelma – Magister Utinam Seguatur Evangelium Universus Mundus – “Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek.” Kull bidu huwa iebes; xi wħud ma fehmux x’qed jagħmel Dun Ġorġ. Fl-1909, il-Vigarju Ġenerali tah ordni sabiex jagħlaq l-oqsma li kien fetaħ. Dun Ġorġ obda minnufih; kellu mħabba kbira lejn il-Knisja, u dejjem ubbidjenti lejn l-awtoritajiet tagħha. Biss, kien hemm kappillani li qabżu għalih u l-ordni ġiet irtirata. Fl-1910 beda l-appostolat fost in-nisa. Sa mill-bidu ta’ din l-opra qaddisa, Dun Ġorġ, dejjem emmen fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u fis-sehem tal-lajċi fil-Knisja! L-oqsma malajr bdew jinfetħu fl-irħula kollha ta’ Malta u Għawdex! Wara diversi provi oħra, bħal inkjesta tal-1916, l-Arċisqof Dom Mauro Caruana OSB, fl-1 ta’ Mejju 1932 approva r-Regola tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.).
Esperjenza partikolari li baqa’ jsemmi tul ħajtu kollha, ġrat għall-ħabta tas-sena 1910; esperjenza li kkonfermat il-missjoni li kellu jwettaq matul ħajtu. Huwa stess jirrakkonta l-ġrajja ta’ Croce Marsa.
Waqt li kien ġej bil-mixi minn Raħal Ġdid, għall-ħabta tal-5 ta’ filgħaxija, kif wasal qrib is-salib tal-Marsa, post iffrekwentat sew mill-pubbliku, jilmaħ tfajjel ta’ xi tnax-il sena, jiġbed karretta. Din il-karretta kellha roti wesgħin u baxxi ħalli tibqa’ soda malart, u mal-karretta qoffa mimlija żibel marbuta bil-ħbula. Dan it-tfajjel, b’ton ta’ kmand qal lil Dun Ġorġ, ‘Agħtini l-għajnuna’. U dlonk Dun Ġorġ, bla ma qies xejn, obda. Dun Ġorġ jistqarr li malli beda jimbotta l-karretta, ħass ħlewwa kbira u lanqas jaf lejn fejn marru hu u t-tfajjel bil-karretta! Ġrajja li Dun Ġorġ ifissirha hekk; il-karretta u l-qoffa huma s-soċjetà mużewmina, bit-tagħlim li jsaħħaħ il-moħħ u l-qalb tal-poplu, u t-tfajjel huwa Ġesù ta’ tnaxil sena li qed jiġbed imma qed jitlob l-għajnuna tas-soċi msieħba fl-għaqda mwaqqfa minn Dun Ġorġ.
Minbarra bil-kelma, Dun Ġorġ kien jgħallem ukoll bil-kitba. Kiteb madwar 140 ktieb, dejjem blilsien Malti, anke meta dan kien imkasbar u mwarrab.
Dun Ġorġ kien imfittex ħafna, persuna li l-poplu kien jafdah. Min kien ifittxu biex iqerr, min għal xi parir, min biex jiftaħ qalbu, kien ħabib ta’ kulħadd! Kien bniedem ta’ umilta` kbira; qatt ma fittex unuri! Minħabba l-umilta` u l-koerenza bejn dak li jgħallem u dak li jgħix, ħafna nies resqu lejh, u hu ressaqhom lejn il-Mulej.
Mhux biss; kien imfittex ħafna għall-prietki speċjalment waqt is-sajdiet mużewmini. Dawn kienu jsiru fil-pjażeż madwar Malta kollha. Il-kelma tiegħu kienet tiġbed il-folol u trattab il-qlub iebsa!
Fost id-devozzjonijet li kellu Dun Ġorġ, insibu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna. Kiteb diversi talb ad unur tagħha, fosthom il-Vestis Honoris (Libsa ta’ Unur). Insemmu d-devozzjoni li kellu Dun Ġorġ lejn it-Trinita Mqaddsa u lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni: il-Verbum Dei. Ried li kull soċju jkun imżejjen b’dawn il-kelmiet għeżież. Anke d-dimostrazzjoni bil-Bambin lejliet il-Milied, kienet xewqa ta’ Dun Ġorġ, frott l-imħabba li kellu lejn dan il-misteru hekk kbir; “L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna.” Talba sinonima ma’ Dun Ġorġ u li hija fuq fomm kulħadd hija: “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla.”
Ix-xewqa kbira li kellu li Ġesù jkun aktar magħruf u maħbub, wasslet biex fl-1952, bagħat l-ewwel soċji lejn l-Awstralja. Illum, din l-opra qaddisa, insibuha f’diversi pajjiżi fosthom; il-Kenja, il-Peru, l-Albanija, l-Ingilterra, il-Polonja u Kuba.