3 minute read
Grazzi Dun Mark Mallia Pawley
7 snin ta’ servizz lil Ħad-Dingli… …minn seminarista għal Arċipriet
Minn Mark is-seminarista . . . għal Mark is-saċerdot . . . għal Mark l-Arċipriet. Din hi r-rabta twila 7 snin ta’ Dun Mark Mallia Pawley mal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli li ntemmet nhar il-Ħadd, 1 ta’ Mejju 2022. Il-parroċċa tagħna hi grata lejn dak kollu li Dun Mark wettaq f’dawn issnin bħala l-40 ragħaj spiritwali u t-2 Arċipriet fl-istorja tagħha. Nawgurawlu fil-ħidma li qed iwettaq fi djoċesi fiċ-Ċili fejn qed jassisti saċerdot Malti li hu l-vigarju ta’ din id-djoċesi.
Advertisement
Kien f’Lulju 2015 meta r-Rettur tas-Seminarju bagħat lil Dun Mark Mallia Pawley biex bħala seminarista li dieħel għall-aħħar sena tal-formazzjoni saċerdotali jagħmel esperjenza fil-parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Fix-xhur ta’ wara baqa’ fostna bħala djaknu. Wara li ġie ordnat saċerdot, nhar id-29 ta’ Ġunju 2016, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna talbu jibqa’ Ħad-Dingli biex jgħin lill-Arċipriet Dun Ewkarist Zammit f’ħidmiet pastorali varji. Sentejn wara, fl-għażla ta’ Arċipriet ġdid għal Ħad-Dingli, l-awtoritajiet tal-Knisja nnominaw lil Dun Mark għal din il-kariga.
Kien fl-għodwa tal-1 ta’ Mejju 2018, festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem u jum ta’ btala pubblika li Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa quddiesa fil-Knisja Arċipretali fl-okkażjoni talbidu uffiċjali tal-ħidma tal-Arċipriet il-ġdid. Nofs il-parrokat ta’ Dun Mark kien ikkaratterizzat minn realta’ unika għalina lkoll: il-pandemija talCOVID-19. Fl-agħar tal-pandemija, meta l-knejjes tagħna ma baqgħux jilqgħu n-nies għall-Ewkaristija fittex li l-parroċċa tibqa’ viċin in-nies. Dan sar fost l-oħrajn bil-mod kif il-parroċċa wasslet il-messaġġi tagħha, inkluż ix-xandir tal-Kelma, bil-media soċjali. Sa mill-ewwel ġurnata li daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet, Dun Mark ra li juża l-paġna ta’ facebook tal-parroċċa għal dan l-għan. Fittex ukoll li l-parroċċa tkun qrib min jeħtieġ xi forma ta’ għajnuna fosthom b’telefonati lil anzjani jew persuni li jgħixu weħidhom u b’azzjonijiet ta’ karità li setgħu jsiru grazzi għal donazzjonijiet ta’ ikel minn ħafna Dinglin li rrispondew għas-sejħa tiegħu biex jaħsbu f’familji fil-bżonn. Għal sentejn sħaħ, ħoloq mod oriġinali kif jilħaq il-familji bit-tberik li ma setax isir bi żjarat individwali fid-djar. Qassam fliexken żgħar bl-ilma mbierek u talba li ħallihom fuq l-għetiebi ta’ kull residenza fil-parroċċa.
Fil-bidu tal-parrokat ta’ Dun Mark Mallia Pawley, il-parroċċa kienet għadha kemm applikat għallewwel darba biex tieħu fondi tal-Unjoni Ewropea għal proġetti ta’ ħarsien ta’ patrimonju li għandha. Ix-xogħol u l-ispejjeż involuti ma kinux ftit, iżda daqstant ieħor is-sodisfazzjon meta l-applikazzjoni ġiet approvata u l-parruċċani raw li x-xogħol tlesta u sar bi professjonalità kbira. Dawn kienu jinvolvu r-restawr tal-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista, il-pedestall tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, inniċċa tal-Madonna tar-Rużarju, il-kwadri tal-Via Sagra, il-kwadru titulari tal-altar tal-Madonna tarRużarju, u żewġ kwadri kbar fil-kor li juru l-għerusija tal-Madonna ma’ San Ġużepp u l-Adorazzjoni
tal-Maġi. Patrimonju ieħor li reġa’ beda jitgawda fi żmien dan il-parrokat hi qanpiena ta’ importanza storika li waslet lura Ħad-Dingli minn restawr fir-Renju Unit għall-festa tal-2018. Din il-qanpiena ttellgħet fil-kampnar tal-lemin u tintuża mal-arloġġ għad-daqq tal-kwarti u s-sigħat.
F’dawn l-erba’ snin bħala Arċipriet, Dun Mark fittex li l-parroċċa tagħmel użu aħjar minn proprjetà tagħha wara ċ-ċimiterju. Għal dan il-għan, parti mill-proprjetà nkriet lil operatur ta’ Child Care Centre u l-parti l-oħra se tkun maħżen tal-festa. Kif għamlu parroċċi oħra, iddiskuta u sab l-għajnuna tal-Gvern biex bl-għajnuna ta’ fondi pubbliċi jindokra l-patrimonju tagħna fosthom b’salib ġdid li sar għall-frontispizju, il-manutenzjoni u r-restawr tal-ħitan l-antiki tal-knisja, ta’ Dar Dun Ġwann Abela u tad-Domus. F’Marzu li għadda, ikkonkluda ftehim biex aċċerta li l-parroċċa tiġi mgħejjuna b’fondi pubbliċi biex fiż-żmien li ġej jitwettqu proġetti oħra ta’ fejda.
Intant, Dun Mark spiċċa minn Arċipriet bil-parroċċa għaddejja bit-tieni sett ta’ proġetti b’fondi Ewropej. Dawn jinvolvu l-manutenzjoni tal-apramorta tal-bejt tal-knisja li kienet lesta sa meta temm il-parrokat u fl-istess żmien kien qed jingħata bidu għax-xogħol fuq il-koppla minn ġewwa. Naturalment, biex sar dan kollu Dun Mark sab l-għajnuna ta’ ħafna; min b’volontarjat u oħrajn b’donazzjonijiet ġenerużi.
Lil hinn minn hekk, Arċripriet hu ragħaj spiritwali. Il-komunità parrokkjali tirringrazzjah fuq kollox għas-servizz pastorali li ta. Grazzi wkoll li nvestejt ħafna ħin fit-tfal, il-ġejjieni ta’ din il-parroċċa. Nafu kemm il-Kummissjoni Tfal u l-quddiesa tal-Ħadd fid-9.30 ta’ filgħodu kienu għal qalbu.
Fil-bidu tal-parrokkat tiegħu f’Ħad-Dingli, Dun Mark kien għażel bħala motto din il-frażi mit-tieni ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin: “Agħmlu l-ġid bla qatt ma tegħjew.” Filwaqt li nirringrazzjaw lil Dun Mark tal-ħidma li wettaq fostna, l-awguri tagħna lilu fi kwalunkwe ħidma li se jwettaq fiż-żmien li ġej:
KOMPLI AGĦMEL IL-ĠID!