3 minute read

Merħba lill-Arċipriet il-ġdid

Merħba lill-Arċipriet il-ġdid Il-Kanonku David Farrugia

Nhar is-Sibt 9 ta’ April 2022 tħabbar uffiċjalment li l-Arċisqof, Mons. Charles J. Scicluna, ħatar lill-Kan. David Farrugia bħala l-Arċipriet tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Hu l-41 ragħaj spiritwali ta’ Ħad-Dingli sa mit-twaqqif mill-ġdid tal-parroċċa nhar il-31 ta’ Diċembru, 1678. Huwa wkoll it-3 Arċipriet ta’ din il-parroċċa, li ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Arċipretali nhar it-22 ta’ Awwissu 2015. Iżda min hu l-Arċipriet il-ġdid ta’ Ħad-Dingli?

Advertisement

Dun David Farrugia għandu 43 sena u ilu 18-il sena saċerdot. Imwieled fl-Isptar Santa Katerina (Ħ’Attard) nhar l-24 ta’ April 1979, minn Vincent Farrugia u Jane - aktar magħrufa bħala Vanna - neè Cefai, Dun David hu t-tieni iben minn tlieta.

Missieru li ġie nieqes madwar 9 snin ilu kien mill-Belt Valletta. Ommu hi minn Ħal Qormi, illokalità fejn il-familja Farrugia tgħix. Ħuh ilkbir, Tonio, li hu ħames snin akbar minnu kien iggradwa bħala accountant u llum huwa Manager talLibrerija Preca. Ħuh iżżgħir, Carmel, li hu għaxar snin iżgħar minn Dun David, hu iggradwat bħala fiżjoterapista u jaħdem firResidenza San Vinċenz De Paul. Iż-żewġ t’aħwa huma membri attivi fisSoċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-M.U.S.E.U.M. Tonio għamel madwar 16-il sena ġewwa Lurin fil-Perù, fosthom bħala Superjur hemmhekk, u din is-sena nħatar bħala Superjur tal-qasam tan-Naxxar. Carmel ilu madwar sentejn Superjur tal-qasam tal-Mosta.

Dun David tgħammed fil-kripta tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, mill-Kappillan ta’ dak iż-żmien - illum Monsinjur - Dun Vinċenz Deguara. Hu rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Ħal Qormi (San Ġorġ), l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal-Ħandaq, u l-edukazzjoni post-sekondarja fil-Junior College, l-Imsida. Tul dan iż-żmien Dun David irċieva wkoll il-formazzjoni nisranija tiegħu fil-M.U.S.E.U.M., għal xi żmien fil-Leġjun ta’ Marija, u għal numru ta’ snin sewwa bħala abbati.

Nhar it-8 ta’ Settembru 1997 Dun David ġie aċċettat fis-Seminarju Maġġuri ta’ Malta, f’Tal-Virtù, ir-Rabat. Hemm beda jirċievi l-formazzjoni għas-saċerdozju waqt li jwettaq l-istudji tiegħu filFakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta, fejn ġab Baċellerat u Liċenzjat fit-Teoloġija.

Il-familja Farrugia f’jum il-prima messa (Lulju 2004)

Il-Ħadd 19 ta’ Ottubru 2003, Dun David, flimkien ma’ Dun Brendan M. Gatt mill-Mosta, ġew ordnati djakni fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi. Bħala djaknu, Dun David wettaq ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ Sant’Elena, f’Birkirkara.

Nhar it-Tlieta 29 ta’ Ġunju 2004, festa ta’ San Pietru u San Pawl, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann filBelt Valletta, Dun David, flimkien ma’ Dun Brendan, ġew ordnati saċerdoti minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

L-ordinazzjoni presbiterali (Ġunju 2004)

Bħala presbiteru, Dun David beda l-ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien fejn serva għal sentejn; sena minnhom bħala Viċi Kappillan (Settembru 2004 - Awwissu 2006). Imbagħad inħatar Viċi Kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Luqa u Rettur taż-żona ta’ Ħal Farruġ fejn serva għal 4 snin (Settembru 2006 - Ottubru 2010). Tul dawn is-snin kien ukoll direttur spiritwali tal-Kulleġġ San Benedittu: Skola Sekondarja Subien ta’ Ħal Kirkop (Ottubru 2004 - Settembru 2010). Għal 4 snin Dun David serva b’mod attiv bħala ċ-Chaplain tal-Junior College, fl-Imsida, u għen bħala saċerdot fil-parroċċa ta’ Santa Luċija (Ottubru 2010 - Ġunju 2014).

Fl-aħħar 8 snin Dun David Farrugia kien il-Kappillan ta’ Ħal Safi (Ġunju 2014 – April 2022). Dun David inħatar ukoll minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna bħala Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Iċ-ċerimonja tal-investitura saret nhar is-Sibt 23 ta’ Jannar 2016. Mons. Arċisqof ħatru wkoll bħala Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata l-ġdida li waqqaf hu stess, ta’ San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi, biċ-ċerimonja tattwaqqif u tal-investitura sseħħ nhar il-Ħadd 8 ta’ Diċembru 2019. Għal dawn l-aħħar tmien snin Dun David kien u għadu jservi bħala Segretarju tal-Welfare Fund tal-Kleru.

Il-pussess bħala Kappillan ta’ Ħal Safi (Ottubru 2014)

Dun David jinsab fil-bidu ta’ esperjenza ġdida - bħala Arċipriet ta’ Ħad-Dingli. Jalla Dun David mhux biss ikompli jingħata merħba minna imma aħna lkoll inkunu kapaċi nafdawh u niskopruh bħala l-Ħabib u bħala l-Qassis skont il-Qalb ta’ Kristu Ġesù u bħala l-Qaddej tal-Poplu tiegħu.

R&S MARKETING

Tower Street, Mosta Tel: 2142 0664 Mob: 9947 8412

www.strek-wholesale.com

This article is from: