6 minute read

Il-Perit David Vassallo

Nagħtu spinta ’l numru ta’ proġetti

Bħal kull sena, f’din il-publikazzjoni annwali l-Perit DAVID VASSALLO jagħti ħarsa lejn numru ta’ xogħlijiet li saru matul l-aħħar sena u proġetti oħra li għaddej ix-xogħol fuqhom jew qed jiġu ppjanati għas-sena li ġejja.

Advertisement

Manutenzjoni tal-apramorta u tal-koppla

Fl-artiklu tal-festa tas-sena li għaddiet konna ħabbarna li l-parroċċa akkwistat fondi Ewropej mill-Majjistral Action Group Foundation taħt il-miżura tar-Restawr ta’ Assi u Siti ta’ Valur Artistiku u Kulturali biex tiġi restawrata l-apramorta maddawra tal-bejt tal-knisja u l-koppla minn ġewwa.

Ix-xogħol ta’ manutenzjoni talapramorta, li kien kopert bilpermessi tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA/02788/17), sar fi tliet fażijiet bejn tmiem is-sajf li għadda u l-bidu ta’ April ta’ din is-sena. Dawn kienu jikkonsistu kif ġej:

- konsolidazzjoni u tikħil mill-ġdid tal-ġebel li jifforma l-istruttura peress li t-tikħil bejn il-ġebel kien iddeterjora konsiderevolment; - qlugħ u tqegħid mill-ġdid tal-parti tal-apramorta li tħares lejn it-tramuntana, inkluż it-tneħħija ta’ elementi tal-ħadid li kienu qed jikkawżaw ħsarat; u - manutenzjoni - inkluż il-kisi mill-ġdid b’materjal apposta - tal-partijiet tal-konkos fil-kantunieri li jservu bħala ‘pont’ minn parti għall-oħra tal-bejt u li kellhom partijiet mill-konkos imfaqqa’ u l-ħadid imsaddad mikxuf, kawża ta’ dħul tal-ilma matul is-snin.

Bejn nofs Marzu u l-aħħar ta’ April ta’ din is-sena intrama l-iscaffolding tal-koppla minn ġewwa biex ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ ta’ manutenzjoni. Waqt li kien qed isir dan l-armar, fil-knisja żżarma kompletament il-presbiterju bħala miżura ta’ prekawzjoni. Ix-xogħol fil-koppla qed ikun koordinat mas-Sur Charles Fenech.

Immedjatament wara beda x-xogħol ta’ xkatlar minn ġewwa fejn tneħħiet iż-żebgħa kollha tal-partijiet tal-ħitan fejn kien hemm il-ħsara. Innutajna wkoll li fil-parti ta’ fuq tal-koppla, fis-sajf qed jintlaħqu temperaturi għoljin ħafna - ’il fuq sew minn 40 grad celsius - u allura rajna li jkun għaqli li titjieb iċċirkolazzjoni tal-arja billi jsiru tmien toqbiet ġodda fil-lanterna.

Bħalissa qegħdin fil-fażi ta’ konsolidament tal-ħitan fejn qed nagħmlu interventi fuq il-partijiet fejn kien hemm qxur tal-ġebel tal-ħitan miksur. Dan ser ikun segwit mill-applikazzjoni tal-ewwel provi taż-żebgħa biex kif dan jiġi kkonfermat ngħaddu għall-induratura u żebgħa finali.

Se tkun qed issir ukoll manutenzjoni tat-twieqi kollha - magħmulin mill-ħadid u l-ħġieġ - filwaqt li għat-tmien twieqi t’isfel se jkunu qed jinħadmu u jitpoġġew sollijiet taż-żonqor.

Kif xieraq ukoll ma’ proġett ta’ dan it-tip, qed inħarsu wkoll lejn sistema ġdida ta’ dawl b’teknoloġija moderna għal fuq ġewwa tal-koppla, fejn jintuża dawl iktar effiċjenti u li jdawwal l-arkitettura tal-koppla b’mod ħafna aħjar missistema antika li teżisti bħalissa.

Naturalment ma stajniex waqt li għaddejjin b’dan l-intervent kbir fuq ġewwa tal-koppla, ma nħarsux ukoll lejn l-istruttura minn barra u naraw x’kien hemm bżonn isir. Filwaqt li wieħed seta’ jinnota li ma kienx hemm ħsarat kbar (tajjeb ngħidu li l-aħħar intervent kien sar madwar tnax-il sena ilu), rajna li nagħmlu numru ta’ interventi essenzjali:

- matul Ġunju saret manutenzjoni tallanterna (il-parti ta’ fuq tal-koppla) minn barra fejn il-partijiet taż-żebgħa li kienu qed jitqaxxru tneħħew u nżebgħu mill-ġdid; - fl-istess żmien iżżarma s-salib talbozoz li hemm imwaħħal mas-salib tal-ġebel u dan sar mill-ġdid flimkien ma’ wiring ġdid għalih; u - matul Lulju ntrama scaffolding fuq barra tal-koppla u sar intervent ta’ restawr u manutenzjoni fuq il-parti skulturata ta’ taħt taċ-ċinta (bejn it-

‘tambur’ u l-‘iskutella’) fejn il-ġebel iddeterjora konsiderevolment u l-fili kienu qed jinfetħu u allura hemm riskju kbir ta’ dħul tal-ilma.

Tajjeb ngħidu li f’dan il-proġett kontinwament qed ninvolvu u nikkonsultaw fid-dettall ma’ numru ta’ esperti f’kull qasam biex kull deċiżjoni tittieħed bl-aktar mod studjat u wara li jkunu saru l-kunsiderazzjonijiet kollha.

Restawr tal-ħajt l-antik tal-knisja

Matul l-aħħar sena sar ukoll xogħol ta’ restawr u konsolidament fuq il-qoxra ta’ barra tal-ħajt l-antik tal-binja tal-knisja, li jagħti fuq Misraħ Ġuże Abela u Triq il-Knisja. Dan ix-xogħol ukoll kien kopert bl-istess permess tal-Awtorità tal-Ippjanar li rreferejt għalih iktar ‘il fuq (PA/02788/17). Dan ix-xogħol irrikjeda attenzjoni kbira u sar b’diskussjoni kontinwa bejn il-parroċċa, il-kuntrattur u s-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali biex jiġi żgurat li ma ssir ebda ħsara u li jintużaw l-iktar metodi u materjali addattati.

Ix-xogħol kien jinkludi:

- ftuħ u tindif tal-fili li kienu miftuħa jew deterjorati u mili mill-ġdid ta’ dawn il-fili b’materjal apposta; u - konsolidament tal-ġebel li kellu deterjorazzjoni konsiderevoli.

Il-ħajt tnaddaf ukoll minn ammont ta’ msiemer, ganċijiet, brackets u wires li akkumulaw matul is-snin. Fl-istess żmien, il-cables tal-elettriku li kienu mwaħħlin mal-ħitan tal-knisja tneħħew kollha hekk kif dawn tgħaddew taħt l-art bħala parti mill-proġett ta’ tisbieħ li sar fiz-zona taċċentru tar-raħal.

Ix-xogħol ta’ restawr tal-ħajt sar mill-kumpanija Agius Stone Works u tħallas mill-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Il-maħżen tal-armar

Kif spjegajna f’artikli tas-snin li għaddew meta tkellimna dwar il-proġett taċ-child care, dak il-proġett ġie ppjanat, sottomess u approvat b’mod li l-parti ta’ wara tal-binja tibqa’ tintuża bħala maħżen tal-festa b’aċċess separat minn Triq il-Maddalena – bl-aċċess ġdid ikun mill-ispazju llum vojt bejn id-djar eżistenti u ċ-ċimiterju. Ix-xogħol strutturali li kien hemm bżonn fuq ġewwa tal-binja eżistenti hu lest u fl-aħħar ġimgħat ġbarna l-istimi riveduti kollha tax-xogħol li fadal isir, jiġifieri l-tlestija minn ġewwa tal-binja eżistenti (finishing), il-bini tal-aċċess il-ġdid u eventwalment ix-xogħol ta’ finishing ta’ din il-binja l-ġdida (l-ispazju ta’ taħt ir-rampa) u z-zona esterna. Dan il-proġett illum hu kunsidrat bħala ta’ prijorità għall-parroċċa u għalhekk qed nippjanaw li wara l-festa jinqabad ritmu ta’ xogħol bl-ewwel fażi tkun il-finishing tal-binja eżistenti, segwit mill-bini tal-istrutturi fuq barra (it-tieni fażi) fl-ewwel kwart tal-2023.

Estensjoni fuq id-Domus

Fix-xhur li għaddew, wara iktar diskussjonijiet interni li wasslu għal reviżjoni tal-pjani oriġinali, f’isem il-parroċċa tfajt l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbena sular ieħor fuq il-binja eżistenti tad-Domus bil-ħsieb li dan l-ispazju jintuża bħala post fejn jintrefgħu id-drappijiet fosthom il-mant tal-istatwa titulari li l-parroċċa għandha ħsieb li tlesti fis-snin li ġejjin. Il-proċess ta’ din l-applikazzjoni għadu għaddej b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati.

Xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni

Naturalment matul is-sena xogħol ieħor ta’ manutenzjoni ma jonqosx u jrid jibqa’ għaddej tista’ tgħid bla waqfien biex il-parroċċa tibqa’ tieħu ħsieb il-beni tagħha. Fost l-oħrajn insemmu:

- matul Lulju li għadda għamilna intervent ta’ tiswija fuq is-saqaf tal-kappella ta’ Santa Marija

Maddalena bħala prekawzjoni għad-dħul tal-ilma tax-xita; u - f’dawn il-ġimgħat se jkun qed jinbidel is-saqaf ta’ waħda mill-kmamar żgħar li hemm malkappella taċ-ċimiterju wara li maż-żmien sofra ħsarat konsiderevoli kkawżat mid-dħul ta’ ilma.

RestauRant & PizzeRia

Tourist Street, Bugibba Tel: 2157 7301 Mob: 7925 4324

THE CATHEDRAL OPTICIANS

50% OFF SELECTED SUNGLASSES DAYSOFT UV ONE DAY DISPOSABLE CONTACT LENSES 1 HOUR SERVICE Frames from only €25.00 Open all day at G’Mangia: Mon-Fri: 08.30 - 12.30 • G’Mangia : 2122 6020 / 2122 8370 • Fgura : 2167 3332 Żebbuġ : 2146 5768 • B’Kara : 2149 0213 • Qormi : 2148 8950 • Naxxar : 2143 1152 • Rabat : 2145 0845 Luqa : 2189 5248 • Attard : 2141 8315 • San Ġwann : 2138 3947 • Birżebbuġa : 2142 1976

PUSH FOR BETTER

This article is from: