24
Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli
Nagħtu spinta ’l numru ta’ proġetti Bħal kull sena, f’din il-publikazzjoni annwali l-Perit DAVID VASSALLO jagħti ħarsa lejn numru ta’ xogħlijiet li saru matul l-aħħar sena u proġetti oħra li għaddej ix-xogħol fuqhom jew qed jiġu ppjanati għas-sena li ġejja. Manutenzjoni tal-apramorta u tal-koppla Fl-artiklu tal-festa tas-sena li għaddiet konna ħabbarna li l-parroċċa akkwistat fondi Ewropej mill-Majjistral Action Group Foundation taħt il-miżura tar-Restawr ta’ Assi u Siti ta’ Valur Artistiku u Kulturali biex tiġi restawrata l-apramorta maddawra tal-bejt tal-knisja u l-koppla minn ġewwa. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni talapramorta, li kien kopert bilpermessi tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA/02788/17), sar fi tliet fażijiet bejn tmiem is-sajf li għadda u l-bidu ta’ April ta’ din is-sena. Dawn kienu jikkonsistu kif ġej: - konsolidazzjoni u tikħil mill-ġdid tal-ġebel li jifforma l-istruttura peress li t-tikħil bejn il-ġebel kien iddeterjora konsiderevolment; - qlugħ u tqegħid mill-ġdid tal-parti tal-apramorta li tħares lejn it-tramuntana, inkluż it-tneħħija ta’ elementi tal-ħadid li kienu qed jikkawżaw ħsarat; u - manutenzjoni - inkluż il-kisi mill-ġdid b’materjal apposta - tal-partijiet tal-konkos fil-kantunieri li jservu bħala ‘pont’ minn parti għall-oħra tal-bejt u li kellhom partijiet mill-konkos imfaqqa’ u l-ħadid imsaddad mikxuf, kawża ta’ dħul tal-ilma matul is-snin. Bejn nofs Marzu u l-aħħar ta’ April ta’ din is-sena intrama l-iscaffolding tal-koppla minn ġewwa biex ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ ta’ manutenzjoni. Waqt li kien qed isir dan l-armar, fil-knisja żżarma kompletament il-presbiterju bħala miżura ta’ prekawzjoni. Ix-xogħol fil-koppla qed ikun koordinat mas-Sur Charles Fenech. Immedjatament wara beda x-xogħol ta’ xkatlar minn ġewwa fejn tneħħiet iż-żebgħa kollha tal-partijiet tal-ħitan fejn kien hemm il-ħsara. Innutajna wkoll li fil-parti ta’ fuq tal-koppla, fis-sajf qed jintlaħqu temperaturi għoljin ħafna - ’il fuq sew minn 40 grad celsius - u allura rajna li jkun għaqli li titjieb iċċirkolazzjoni tal-arja billi jsiru tmien toqbiet ġodda fil-lanterna. Bħalissa qegħdin fil-fażi ta’ konsolidament tal-ħitan fejn qed nagħmlu interventi fuq il-partijiet fejn kien hemm qxur tal-ġebel tal-ħitan miksur. Dan ser ikun segwit mill-applikazzjoni tal-ewwel provi taż-żebgħa biex kif dan jiġi kkonfermat ngħaddu għall-induratura u żebgħa finali.