6 minute read

Mario Micallef

Il-festa ta’ Santa Marija fl-2021

It-tieni waħda waqt il-pandemija tal-Covid-19

Advertisement

Mhix normali li fil-publikazzjoni tal-festa nagħtu rendikont dettaljat ta’ kif iċċelebrajna l-festa tas-sena ta’ qabel. Madankollu, minħabba ċ-ċirkustanzi partikulari li konna qed ngħixu fis-sajf tal-2021, dehrilna li għandna nħallu tifkira stampata ta’ kif Ħad-Dingli ċċelebra t-tieni festa ta’ Santa Marija waqt il-pandemija tal-COVID-19. Għal dan il-għan, MARIO MICALLEF idur dawra mat-tifsila tal-festa titulari ta’ sena ilu, kemm fil-knisja u anke fuq barra.

F’Awwissu 2021, il-ħajja ta’ kuljum kienet għadha kkaratterizzata minn għadd ta’ restrizzjonijiet bħala parti mill-isforzi tal-awtoritajiet biex irażżnu l-firxa tal-imxija tal-COVID-19. Jekk nieħdu biss il-knisja tar-raħal tagħna, l-ispazju għal nies bilqiegħda kien għadu limitat għal taħt il-100 persuna. Biex tinżamm id-distanza soċjali, kienu għadhom qed jintużaw is-siġġijiet. Fil-fatt, il-bankijiet kienu għadhom stivati kollha fin-navi. Fuq barra, mix-xahar ta’ qabel kienu bdew jingħataw permess isiru l-ewwel attivitajiet, b’limitu iżda ta’ kemm jistgħu jattendu nies, iridu jkunu bilqiegħda, jirreġistraw minn qabel u jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Il-mixja spiritwali għall-festa bdiet nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Awwissu b’ġurnata madwar l-Ewkaristija Mqaddsa. Il-parruċċani kienu mistiedna jsibu ħin matul il-ġurnata biex iqattgħu ftit mumenti ta’ talb u adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fil-knisja jew fil-Kappella tal-Adorazzjoni f’Dar Don Bosco. Filgħaxija, l-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley mexxa l-quddiesa tal-bidu tal-kwindiċina li għaliha kien mistieden kulħadd.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-kwindiċina tal-festa għal kategoriji differenti fi ħdan il-komunità parrokkjali saru kollha fil-knisja biċ-ċelebrazzjoni f’jiem differenti ta’ quddiesa għat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, il-familji, l-anzjani u l-morda. Il-preżentazzjoni tat-trabi lil Santa Marija saret fuq jumejn billi riedet tkopri lil ulied dan ir-raħal li twieldu f’sentejn. Fl-Għid tal-Assunta, nhar il-Ħadd 15 ta’ Awwissu, ġew ippreżentati t-tfal li twieldu fis-sena sa Lulju 2020. L-għada, it-Tnejn 16 ta’ Awwissu, saret il-preżentazzjoni lil Santa Marija tat-trabi li twieldu minn Awwissu 2020 ’il quddiem. Fiċċirkustanzi kif kienu f’Awwissu tas-sena li għaddiet, u anke biex il-banda kollha ħadet sehem, ittifkira tat-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Santa Marija saret fil-beraħ. Nhar it-Tnejn 9 ta’ Awwissu ġiet iċċelebrata quddiesa f’Misraħ Frenċ Abela, quddiem il-każin tal-istess għaqda, bis-sehem tal-banda u l-kor parrokkjali.

Fil-festa 2021 ingħalaq kapitlu fl-ewwel esperjenza li l-parroċċa kellha ta’ proġetti ta’ restawr kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Nhar it-Tlieta 17 ta’ Awwissu, wara l-quddiesa ta’ filgħaxija, saret Serata Marjana fil-knisja li matulha ġie inawgurat ix-xogħol ta’ konservazzjoni u r-restawr li sar fuq it-titular

tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju, ta’ żewġ kwadri kbar fil-kor b’pitturi li juru l-Adorazzjoni tas-Slaten Maġi u ż-Żwieġ tal-Madonna ma’ San Ġużepp, u tal-kwadri tal-Via Sagra. Għal dan il-proġett, il-parroċċa kienet obbligata taħtar espert biex jiggwidaha u jissorvelja x-xogħol fuq dawn l-opri tal-arti. Dan ix-xogħol ġie fdat lil Dr Mark Sagona, lettur fid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Fis-serata, Dr Sagona ta sfond storiku dwar il-kwadri. Il-proċess innifsu ta’ restawr ġie spjegat fi preżentazzjoni misSur Paul Muscat, Direttur Maniġerjali ta’ ReCoop, ilkumpanija li rebħet il-kuntratt f’sejħa pubblika għallofferti biex tagħmel l-interventi ta’ konservazzjoni u restawr. Is-serata kienet imżewqa wkoll b’innijiet popolari Marjani kantati mill-Kor Parrokkjali Regina Coeli taħt id-direzzjoni ta’ Mro James Chappell.

Kienet festa wkoll li wriet il-qalb tajba tad-Dinglin b’diversi ġesti ta’ solidarjetà. Fil-quddiesa tas-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta’ Awwissu nġabret is-somma sabiħa ta’ €1,200 għall-missjoni mmexxija mill-patrijiet Dumnikani Maltin fl-Albanija. Din l-offerta ta’ karità li l-parroċċa tat fl-okkażjoni tal-festa ġiet ippreżentata lill-Arċisqof ta’ Tirana-Durres fl-Albanija, Mons. George Frendo OP, f’quddiesa li hu ċċelebra fil-Knisja Arċipretali tagħna nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Awwissu. Fl-għodwa tal-Ħadd 8 ta’ Awwissu, aktar minn 30 persuna ġew jagħtu d-demm fil-Mobile Blood Donation Unit li kienet filpjazza ħdejn il-knisja. Fi tmiem dik il-ġimgħa wkoll, bdiet kampanja biex min jixtieq jirreġistra bħala donatur tal-organi. Wara kull quddiesa, membri tal-Kummissjoni Djakonija kienu disposti jgħinu fil-mili tal-applikazzjonijiet. F’din l-inizjattiva kien hemm aktar minn 45 persuna li nkitbu bħala donaturi tal-organi.

Għall-aħħar ħamest’ijiem tal-festa, il-knisja fuq ġewwa ntramat bl-armar kollu li s-soltu tiżżejjen bih għal dawn il-ġranet. Ma ntramawx biss l-artali tan-navi. It-tridu beda nhar l-Erbgħa 18 ta’ Awwissu, bil-wasla fostna għattieni sena tal-bastun tal-istatwa ta’ San Ġużepp Inkurunat mis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp fir-Rabat. Din l-inizjattiva saret b’kollaborazzjoni mal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat fis-sena li l-Papa Franġisku ddikjara bħala Sena Ġużeppina. Din is-sena bdiet fit-8 ta’ Diċembru 2020 meta tfakkar il-150 anniversarju minn meta San Ġużepp ġie proklamat bħala Patrun tal-Knisja Universali. Il-bastun baqa’ armat fuq il-presbiterju sa jum il-festa titulari u kienet okkażjoni biex ħafna ressqu talb bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp.

Lejlet il-festa, it-translazzjoni solenni tar-relikwa tal-Madonna saret b’purċissjoni qasira ħafna mmexxija minn Mons. Frans Abdilla, mid-Domus sal-knisja, fejn tkanta l-ewwel għasar u ġiet iċċelebrata quddiesa solenni. Fit-8.15 p.m. beda programm speċjali dwar il-festa f’Ħad-Dingli organizzat mill-Kumitat Festa Esterna ħdejn il-Knisja Arċipretali. Il-programm ‘Il-festa tagħna’ ixxandar dirett fuq l-istazzjon Fliving u fuq il-paġna ta’ facebook ‘Festa Santa Marija – Ħad-Dingli’ minn fejn ġie segwit minn mijiet ta’ persuni. Minn fuq iż-zuntier saru intervisti, minn ħin għal ieħor intwerew servizzi dwar illokalità, il-knisja u l-festa waqt li l-banda tal-Għaqda Mużikali Santa Marija kienet mistiedna ddoqq

marċi ferrieħa f’Misraħ Ġużè Abela. Taħt iz-zuntier kien hemm żona fejn il-pubbliku seta’ jsegwi minn bilqiegħda waqt li l-Knisja Arċipretali nżammet miftuħa b’ċans lin-nies jidħlu jitolbu u jaraw il-patrimonju storiku u artistiku li għandha. Il-qofol intlaħaq fl-10.00 p.m. meta l-banda esegwiet l-Innu l-Kbir,

Inno Alla Beata Vergine. Mal-Banda Santa Marija ta’ Ħad-Dingli ngħaqdu l-Kor Parrokkjali Regina Coeli, it-tenur u s-solista. Ta’ min jgħid li din kienet it-tieni darba fil-ġimgħa tal-festa li ndaqq l-Innu l-Kbir. Dan billi jumejn qabel indaqq fi Programm Vokali u Strumentali li sar mill-Għaqda Mużikali Santa Marija. Ix-xandira ta’ aktar minn sagħtejn lejlet il-festa laħqet kwalità ta’ livell għoli ħafna, bl-aspett tekniku u viżiv ħadu ħsiebu kollu membri tal-Kumitat Festa Esterna bl-għajnuna ta’ membri mill-Kummissjoni Diġitali Pastorali tal-parroċċa.

Jum il-festa titulari ġie ċċelebrat nhar il-Ħadd, 22 ta’ Awwissu. Il-Konċelebrazzjoni Solenni ta’ jum il-festa filgħodu tmexxiet minn Patri Pawl Muscat OSA, li kien għadu kemm fakkar il-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Niseġ il-paniġierku l-Kan. Richard-Nazzareno Farrugia, Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex.

Filgħaxija, fis-6.00 sar il-kant tat-tieni għasar u fis-6.30 ġiet iċċelebrata quddiesa mill-Arċipriet, Dun Mark Mallia Pawley. Fis-7.30 p.m. il-knisja imtliet bin-nies għal mument ta’ talb flimkien; Rużarju Meditat bit-tema: “Marija, Omm it-Tama.” Fi tmiem ingħatat il-Barka Sagramentali. Il-programm tal-festa ntemm bil-logħob tan-nar, programm ta’ aktar minn siegħa maħdum minn pirotekniċi Dinglin li beda fit-8.30 p.m. Fil-qasam tal-logħob tan-nar, ilKumitat Festa Esterna inkariga lill-Għaqda Mużikali Santa Marija biex permezz ta’ pirotekniċi fi ħdanha timmanifattura logħob tan-nar tal-ajru li ż-żewġ entitajiet qablu li jinħaraq f’jum il-festa titulari. Malġurnata nħarqu murtali tal-bomba u murtaletti fit8.00 a.m., waqt is-Sanctus tal-quddiesa solenni u għal nofsinhar. Il-ħarqa prinċipali kienet dik ta’ filgħaxija li mmarkat it-tmiem tal-festa 2021 u kienet tinkludi murtali tal-beraq ikkulurit, murtali tal-beraq biċ-ċentru u murtali tal-kulur. Fi tmiem inħarqet kaxxa infernali tal-beraq u kulur u diversi fetħiet, sfejjer u blalen.

Il-Kumitat Festa Esterna ħa ħsieb joħloq atmosfera ta’ festa fiċ-ċentru tal-lokalità. Saret mixgħela talfaċċata tal-Knisja Arċipretali u Triq il-Parroċċa biddawl tradizzjonali tal-festi. It-triq ta’ quddiem il-knisja żżejnet b’sett bandalori, b’dik li tirrappreżenta t-tlugħ

fis-sema tal-Madonna ntramat mal-gallarija tal-knisja. Lejlet u nhar il-festa, l-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra ntramat fuq pjattaforma f’nofs Misraħ Ġużè Abela. Fl-istess misraħ ntrama t-trofew, li kien lest mir-restawr, qabel ma jittieħed għall-irħamar u l-induratura. Fil-knisja ġiet esebita l-iskultura l-ġdida li saret għall-pedestalli tal-Papa Piju XII u ta’ Santa Marija.

It-tieni festa ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli waqt il-pandemija tal-COVID-19 kellha togħma talingredjenti kollha li jagħmlu l-festa Maltija. Tassew li b’mod ridott ħafna minħabba r-restrizzjonijiet, iżda għall-anqas in-nies ma tħallewx sajmin għal kollox minn dak li jħobbu. Dan kollu sar b’ħarsien sħiħ tad-direttivi tal-awtoritajiet tal-Knisja u tas-saħħa pubblika.

This article is from: