6 minute read

James Ebejer u Paul Abela

Wara ħajja ta’ taħbit, Dun Ġorġ miet f’Santa Venera, fejn qatta’ l-aħħar xhur ta’ ħajtu. Ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu nhar il-Ħamis, 26 ta’ Lulju 1962, festa ta’ Sant’Anna. Il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-kappella tal-Madonna Mirakoluża, (biswit id-Dar Ġenerali tal-M.U.S.E.U.M.) il-Blata l-Bajda.

Matul ħajtu, Dun Ġorġ, kellu l-fama ta’ bniedem qaddis. Il-kawża tal-kanonizzazzjoni bdiet fl-1975 u wara proċess rigoruż, nhar it-28 ta’ Ġunju 1999, ġie ddikjarat Venerabbli. Fid-9 ta’ Mejju 2001, Dun Ġorġ kien iddikjarat Beatu f’pajjiżna stess mill-Papa San Ġwanni Pawlu II u finalment Dun Ġorġ ġie meqjum għall-glorja tal-artali nhar il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, 2007, mill-Papa Benedittu XVI fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan. Dakinhar il-Papa kien qal lill-Maltin li Dun Ġorġ “huwa t-tieni missier tagħkom fil-fidi wara l-Appostlu San Pawl. Huwa jitlob għalikom biex tkunu tassew ħbieb tal-Evanġelju.’

Advertisement

Dun Ġorġ u l-ewwel snin tal-M.U.S.E.U.M. f’Ħad-Dingli

“Missieri u Dun Ġorġ kienu ħbieb sew. L-aħħar darba li ġie ĦadDingli, kien id-dar tagħna” – James Ebejer

Il-konoxxenza tiegħi ma’ Dun Ġorġ, bdiet permezz ta’ missieri, John Baptist li kien ‘impressed’ mal-Gvern assenjat mad-Direttur talEdukazzjoni, il-mibki s-Sur Joseph P. Vassallo. Nixtieq insemmi tliet okkazjonijiet li niftakar fihom u li esperjenzajt direttament.

L-ewwel każ kien meta Dun Ġorġ kien ġie jagħmel laqgħa Ħad-Dingli. Aċċidentalment jew bil-għajnuna t’Alla, kien iltaqa’ maz-zija tiegħi li kellha tifel ta’ sentejn u nofs fuq dirgħajha għax ma kienx jimxi sewwa. Kienet dejjem iżżommu fuq idejha u malli Dun Ġorġ iltaqa’ magħha staqsieha għalfejn ma tniżżlux jimxi. Fil-pront weġbitu li t-tifel ma jistax jimxi għax kellu sieq minnhom li kienet ittellfu. Pront, Dun Ġorġ messlu riġlu li kien qed juġgħu, u qalilha biex tniżżlu jimxi. Kif niżżlitu, it-tifel kien pront telaq jiġri kemm jiflaħ lejn id-dar. It-tifel baqa’ jikber u jistudja sa laħaq inġinier fejn ħadem il-power station.

Esperjenza oħra li għext hi frott li dik il-ħabta kont ninżel għax-xogħol ma’ missieri. Darba fost l-oħrajn, aħna u neżlin għax-xogħol, missieri qalli: “Issa aħna u neżlin, ngħaddu ħa nkellmu lil Dun Ġorġ.” Jien dħalt ukoll għax ridt narah, u wara li kellmu ftit, Dun Ġorġ dar fuq missieri u qallu, “Patist, ħu paċenzja u kull filgħodu għaddi hawn ħalli twassalli ż-żewġ neputijiet li għandi l-iskola.” U hekk missieri beda jgħaddi biex iwassal lin-neputijiet l-iskola. Minn dak iż-żmien missieri u Dun Ġorġ saru ħbieb sew.

Darba fost l-oħrajn, missieri qal lil Dun Ġorġ li xtaq iqerr. Dun Ġorġ fil-pront wieġbu, “Ejja filkamra tiegħi, ħalli tiskorri hemm.” Wara li qerr, missieri rringrazzja lil Dun Ġorġ u talbu biex jgħid lil Nellie (li kienet tieħu ħsieb lil Dun Ġorġ) biex tagħtih tazza ilma biex jieħu xi pilloli. Dun Ġorġ staqsa x’pilloli kien qed jieħu u missieri qallu li kienu tal-qalb. Minnufih Dun Ġorġ qallu biex ma joħodhomx aktar! Missieri kellu fiduċja kbira f’Dun Ġorġ; ma ħadhomx iżjed, u għex erbgħin sena oħra mingħajr il-pilloli tal-qalb. Meta miet, ma mietx b’mard tal-qalb!

Is-Sur James Ebejer

Insemmi fl-aħħarnett każ partikolari ħafna minħabba li tirrigwarda lil ħija, Antonio (Ninu) Ebejer, li kien soċju tal-M.U.S.E.U.M. Ġara li ħija marad bil-lewkemja u tela’ l-Ingilterra għar-raġġi. Jidher li kien ġie lura mfejjaq. Imma wara xi sentejn, reġgħet ħarġitlu l-marda u spiċċa f’qiegħ ta’ sodda. Ittobba qalulu li mhemmx ċans ta’ fejqan. Sadanittant missieri kien qal lil Dun Ġorġ li ħija kien marid serjament. Dun Ġorġ talab lil missieri biex itellgħu sa ħdejn ħija; dam tlett sigħat miegħu jassistih. Din kellha tkun l-aħħar darba li Dun Ġorġ żar Ħad-Dingli. Wara li wassal lil Dun Ġorġ lura f’daru, missieri ġie mbikkem ħafna, għax Dun Ġorġ kien qallu, “kull bidu ta’ ħajja għandha t-tmiem.” Ħija miet l-għada taż-żjara ta’ Dun Ġorġ, nhar l-20 ta’ Jannar, 1960, fl-età ta’ 29 sena.

Missieri ħadha bi kbira l-mewt ta’ ħija; ma kienx jiflaħ, u ma kienx imur għax-xogħol. Għalhekk għamel żmien ma jmurx għand Dun Ġorġ biex iwassal lin-neputijiet. Għadda żmien mhux ħażin u meta missieri rkupra xi ftit u reġa’ beda jinżel għax-xogħol, beda jgħaddi għan-neputijiet ta’ Dun Ġorġ biex iwassalhom l-iskola. X’ħin rah, Dun Ġorġ qallu, “Mela ejja Patist, kemm ili nistenniek!” Missieri spjegalu għalfejn u Dun Ġorġ wieġbu, “Patist, ifraħ għax it-tifel qiegħed il-ġenna; Sant’Antnin għamel ħafna miegħu!”

Is-Sur John Baptist Ebejer

James Ebejer hu minn Ħad-Dingli u baqa’ joqgħod f’raħal twelidu. Għandu 89 sena u miżżewweġ lil Georgina née Apap.

“Il-M.U.S.E.U.M. kien post żgħir b’żewġt ikmamar u kappella” – Paul Abela

Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lejn is-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. li ppreparatni tajjeb biex fi tfuliti rċevejt is-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof u tatni pedament tajjeb għallformazzjoni nisranija tiegħi.

Fi tfuliti, il-qasam tal-M.U.S.E.U.M. tas-subien f’ĦadDingli kien proprju quddiem il-Knisja Parrokkjali; f’post li għadu mibni u li jinsab biswit id-dar fejn kien joqgħod Dun Ġwann Abela, fi Triq il-Parroċċa. Kien post żgħir fis-sular ta’ fuq b’żewġt ikmamar u kappella, mżejna b’artal li fuqu kien jispikka l-Kurċifiss. Ilbankijiet kienu skomdi u bla dahar! Minħabba ċ-ċokon tal-post, it-tagħlim tad-duttrina kien isir f’ħinijiet separati għat-tfal tal-Ewwel Tqarbina u wara għat-tfal tal-Griżma. Dan il-post kellu gallarija twila u sabiħa ħafna li minnha konna ngawdu l-funzjonijiet sbieħ talfesta.

Niftakar tajjeb li fi tfuliti s-soċji kienu kollha Dinglin: is-Superjur Salvu Azzopardi, Ġużeppi Tanti, Żaren Abela u Wenzu Galea. Is-soċji Carmelo Abela u Ġanni Farrugia ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ wara diversi snin bħala katekisti f’dan l-istess qasam.

Fost il-ġimgħa konna mmorru għal-lezzjonijiet talkatekiżmu kuljum minbarra nhar ta’ Erbgħa. Kienet tkun mistennija ħafna l-passiġġata ta’ kull nhar ta’

Ħadd. Dawn kienu jsiru wara t-tagħlim tal-katekiżmu għal kulħadd li kien isir fl-4.00 p.m. fil-knisja mill-Kappillan Dun Karm Azzopardi. Ħafna drabi, għall-passiġġati tal-M.U.S.E.U.M. kienu jeħduna fuq l-irdumijiet jew lejn in-naħa ta’ Misraħ Suffara.

Żmien il-Milied kien speċjali fil-M.U.S.E.U.M. Apparti n-novena u l-premjazzjoni, il-qofol kien jintlaħaq bid-dimostrazzjoni bil-Bambin mat-toroq tar-raħal. Għall-ewwel kienet issir f’jum ilMilied, nhar il-25 ta’ Diċembru. Kien isir hekk għax kienu jiġu jgħinu fl-organizazzjoni ħafna soċji mir-Rabat, li kienu jagħmluha lejlet il-Milied. Din il-purċissjoni sabiħa kienet tispiċċa dejjem bilprietka tal-Milied fil-Knisja Parrokkjali. Niftakar tajjeb ukoll is-sena li bdiet tiġi organizzata missoċji Dinglin biss u li bi tħejjija għalhekk konna għamilna xi tliet xhur filgħaxijiet nqattgħu bl-arkett disinni fl-injam biex inħadmet il-bandalora bil-kliem ‘Verbum Dei Caro Factum Est’ u sett skudi b’messaġġi marbuta mal-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù. Dan ix-xogħol kien sar taħt id-direzzjoni tas-soċju Żaren Abela.

Fis-sajf, bħala tfal tad-duttrina konna nkunu mħeġġin nattendu għall-ħuġġieġa sabiħa li kienet issir wara l-inżul tax-xemx fil-festa ta’ Santa Marija Maddalena, fuq l-irdum. Ta’ kull sena kienet issir is-sajda mużewmina mifruxa fuq ġimgħa fuq iz-zuntier tal-knisja, wara r-reċita tar-rużarju u l-barka sagramentali.

Il-qasam tal-M.U.S.E.U.M. tal-bniet niftakru l-ewwel fi Triq San Rokku u mbagħad meta ħallejt ir-raħal kienu qed jaħsbu biex jiċċaqilqu għal post fi Triq il-Kbira. Bħala soċji niftakar tajjeb lisSuperjura Agnese Gatt li kienet tiġi mir-Rabat, u lis-soċji Margerita Abela, Nina Abela, Katarin Farrugia, u Maria Muscat (li kienet taf taħdem tajjeb in-newl). L-istess bħal tas-subien, minħabba li l-post kien żgħir, it-tagħlim tad-duttrina kien isir f`ħinijiet differenti għażżgħar u għall-kbar.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li nitolbu u ngħinu b’kull mezz lis-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. biex bl-interċessjoni ta’ Marija Mtellgħa fisSema, il-Mulej ikattar il-vokazzjonijiet ta’ aktar soċji. B’hekk ikomplu fil-missjoni li beda San Ġorġ Preca li jagħmlu lil “Ġesù magħruf u maħbub” permezz tat-tagħlim, li kif kien isejjaħlu l-fundatur “hu l-għajn ta’ kull ġid.”

Paul Abela hu minn Ħad-Dingli u għandu 86 sena. Fl-1959 iżżewweġ lil Luckie née Galea u mar joqgħod il-Mosta fejn għadu jgħix sal-lum.

Is-Sur Paul Abela

IL-KAPPELLA TAL-ADORAZZJONI FL-ORATORJU SALESJAN F’ĦAD-DINGLI

miftuħa mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7.30a.m sad-9.00p.m.

This article is from: