9 minute read

Mario Micallef

Next Article
Savio D. Borg

Savio D. Borg

Minn ġrajjiet il-parroċċa fl-aħħar 12-il xahar

Matul l-aħħar sena, kienu bosta s-sinjali li wrew li bil-mod il-mod ninsabu ħerġin millpandemija tal-COVID-19. Dan minkejja li f’ħafna miż-żmien baqgħu jittieħdu prekawzjonijiet u kien hemm appelli għall-kawtela. Kien żmien, fejn bħal oqsma oħra fis-soċjetà, l-effetti talpandemija fuq il-Knisja f’Malta bdew jidhru aktar. MARIO MICALLEF jurina li fl-aħħar tnax-il xahar il-ħidma fil-parroċċa ta’ Ħad-Dingli ma qatgħetx u għexna wkoll bosta mumenti sbieħ.

Advertisement

Awguri lis-seminarista Daniel Abela . . . miegħek bit-talb

Nhar it-Tlieta 22 ta’ Settembru 2021, Daniel Abela, żagħżugħ mill-parroċċa tagħna beda l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’TalVirtù, ir-Rabat. Daniel kien involut sew fil-ħajja talparroċċa, b’impenji f’ħidmiet ta’ natura differenti. Kien jifforma parti mit-tim ta’ voluntiera li jieħdu ħsieb il-Knisja Arċipretali bħala sagristana u membru tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, talKumitat Festa Esterna, tal-Kummissjoni Pastorali Diġitali u tal-Grupp tal-Qniepen. Kull vokazzjoni saċerdotali u reliġjuża hi grazzja kbira, iżda ta’ Daniel hi tassew speċjali għax waslet wara 50 sena mill-aħħar ordinazzjoni saċerdotali ta’ iben ilparroċċa ta’ Ħad-Dingli. Il-parroċċa rregalatlu s-suttana li qed juża fis-servizzi liturġiċi li jkollhom is-seminaristi.

Fl-aħħar xhur kien ta’ sodisfazzjon narawh jassisti f’ċelebrazzjonijiet ewlenin fil-ħajja talKnisja f’Malta fosthom il-quddiesa mmexxija mill-Papa Franġisku fuq il-Fosos tal-Floriana u ċelebrazzjonijiet oħra li tmexxew mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna. Bħala seminarista, apparti l-istudji fl-Università ta’ Malta, Daniel qed jieħu esperjenza tal-pastorali fil-parroċċa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ. Aħna lkoll imħeġġin nakkumpanjawh bit-talb, biex Ommna Marija żżommu taħt ilħarsien tagħha u tiggwidah f’din il-mixja.

Grazzi Dun Matthew Pulis

Fl-1 ta’ Mejju 2022, temm sentejn u nofs ta’ ħidma pastorali fostna Dun Matthew Pulis. Dun Matthew li għandu 38 sena u hu mill-Iklin kien ilu parti millkleru tal-parroċċa sa minn Novembru 2019, ftit tax-xhur wara li ġie ordnat saċerdot. Hu kien jgħin f’Ħad-Dingli biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ kuljum, fit-tmexxija tal-Grupp tal-Abbatini u talKummissjoni Pastorali Diġitali. L-għarfien tiegħu fl-informatika sewa ħafna biex matul il-pandemija l-parroċċa kellha preżenza qawwija online u kompliet il-missjoni evanġelika tal-Knisja fuq ilpjattaformi diġitali. Dun Matthew qed ikompli

l-istudji tiegħu f’livell ta’ dottorat waqt li qed jagħti servizz pastorali fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp filKalkara. Nirringrazzjawh u nawgurawlu.

L-Arċisqof fil-kappella taċ-Ċimiterju

Fl-aħħar Ħadd tax-xahar ta’ Novembru, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa millkappella taċ-ċimiterju tal-parroċċa tagħna. Ilquddiesa ta’ nhar il-Ħadd 28 ta’ Novembru 2021, li kien l-ewwel Ħadd tal-Avvent, ġiet imxandra dirett fuq Television Malta. Fil-quddiesa, l-Arċisqof aċċenna għat-tmiem tax-xahar ta’ Novembru u talab b’mod speċjali għall-erwieħ tal-mejtin midfuna fiċ-Ċimiterju ‘Mater Dolorosa’. Ta’ min jirrimarka li fil-kappella ta’ dan iċ-ċimiterju hemm midfun Dun Karm Azzopardi li miet nhar it-30 ta’ Lulju 1961 waqt li kien qiegħed iservi bħala Kappillan ta’ Ħad-Dingli.

Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof bierek salib ġdid li nħadem fil-ġebla tal-franka għal fuq is-saqaf tal-kappella minflok dak li kien hemm u li spiċċa biż-żmien. Is-salib il-ġdid nħadem minn Joseph Azzopardi u fih imnaqqxa s-sena 1954 meta kien ttella’ s-salib oriġinali u s-sena 2021 meta nħadem is-salib attwali. Eventwalment, is-salib ittella’ f’postu nhar id-19 ta’ April 2022.

Fi tmiem l-istess quddiesa, Mons. Arċisqof ħawwel ukoll siġra fuq wara tal-kappella biex tfakkar il-memorja ta’ dawk li għaddew qabilna għall-ħajja ta’ dejjem. It-tħawwil tas-siġra sar fil-preżenza tal-Arċipriet, Dun Mark Mallia Pawley, is-Sindku s-Sur Raymond Schembri u l-membri tal-Kunsill Lokali.

Id-Domus restawrat biex jilqa’ wirt tal-parroċċa

Mitt sena wara li nbena (1919), id-Domus reġa’ nġieb ġebel u saqaf billi tbattal mill-armar li kien fih maħżun u żżarmaw ukoll l-armarji li kien hemm. Fl-2020, beda xogħol estensiv ta’ manutenzjoni u restawr ta’ din il-binja fejn inbidlu xorok miksura u travi tal-injam, tneħħa l-kisi minn mal-ħitan u l-fili tkaħħlu biex inġiebu fuq stil antik. Tpoġġa madum ġdid, ġiet stallata sistema ġdida ta’ elettriku waqt li nħadmu twieqi, bibien u armarji ġodda. Il-bieb ta’ barra li għandu valur billi fl-imgħoddi kien il-bieb prinċipali tal-knisja ġie salvat u restawrat.

Għal dan il-proġett, il-parroċċa sabet għajnuna u finanzjament mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali. Ix-xogħol kollu sar minn ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Fl-inawgurazzjoni, nhar is-Sibt 14 ta’ Awwissu 2021, il-Ministru Dr Ian Borg wera sodisfazzjon għall-għajnuna li ngħatat għal dan ilproġett għax stqarr li hekk jixraq lil postijiet bħal dawn u b’hekk issir ġustizzja storika magħhom u jibqgħu jitgawdew mill-poplu. L-Arċipriet, Dun Mark Mallia Pawley, qal li dan il-post li minn dejjem serva b’xi mod jew ieħor il-bżonnijiet tal-komunità Dinglija, issa se jkompli jħares il-wirt patrimonjali tal-istess komunità.

L-għada tal-inawgurazzjoni, fil-festa ta’ Santa Marija, id-Domus kien miftuħ biex il-poplu ta’ ĦadDingli seta’ jara u japprezza s-sena u nofs ta’ xogħol li saru biex din il-binja storika ġiet restawrata.

Proġetti oħra bl-għajnuna ta’ fondi pubbliċi

Matul is-sena li għaddiet, il-parroċċa sabet l-għajnuna tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali biex ġie restawrat il-ħajt l-antik mad-dawra tal-knisja. Dan ix-xogħol twettaq minn ħaddiema tal-kuntrattur Agius Stone Works u sar taħt is-superviżjoni tal-perit tal-parroċċa, is-Sur David Vassallo, li kien ħa ħsieb ukoll li jinġiebu l-permessi mill-awtoritajiet biex isir dan ix-xogħol.

Sal-aħħar ta’ Marzu 2022 tlesta x-xogħol fuq l-ewwel fażi ta’ manutenzjoni u tisbiħ ta’ Dar Dun Ġwann Abela. Wara li voluntiera tal-parroċċa battlu l-post minn bosta affarijiet, f’xahrejn u nofs il-ħaddiema tad-Dipartiment taxXogħlijiet Pubbliċi għamlu l-interventi kollha meħtieġa fosthom it-twaqqiegħ ta’ ħajt diviżorju bejn l-ewwel u t-tieni kamra u b’hekk l-ispazju malli tidħol fil-post hu akbar, il-ħitan tqaxxru miż-żebgħa u nġiebu fuq il-fil stil antik, saret manutenzjoni fis-soqfa, tranġa xi madum, inbidlet is-sistema tal-elettriku u l-ilma, inħadmu aperturi ġodda tal-injam u l-aluminium u sar titjib fil-faċilitajiet sanitarji. B’hekk dan il-post jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu aħjar fil-ħajja tal-parroċċa. Jonqos isiru xogħlijiet fuq innaħa ta’ wara u fil-bitħa tad-dar.

Nhar l-24 ta’ Marzu 2022, il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli kienet fost numru ta’ parroċċi u organizzazzjonijiet li ffirmaw Memorandum of Understanding mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. B’dan il-ftehim, id-Dipartiment ntrabat li se jkun qed jiffinanzja:

• ix-xogħol li fadal isir fil-bitħa ta’

Dar Dun Ġwann Abela; • il-materjal u l-bini ta’ sular fuq id-

Domus biex fih fost oħrajn jintrefa’ l-mant tal-istatwa ta’ Santa Marija; • il-materjal għall-bini ta’ rampa biex isservi ta’ aċċess għall-maħżen talfesta; • lift għaċ-Ċentru Parrokkjali Familja

Mqaddsa; • ix-xogħol ta’ manutenzjoni u żebgħa tal-bibien ta’ barra tal-knisja; u • r-restawr tal-pulptu li kien hemm fil-knisja.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, il-Perit Stephen Bonello, fil-preżenza tal-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr Ian Borg, u s-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, is-Sur Michael Pace Ross.

Xogħlijiet oħra li saru mill-parroċċa

Bħala parti mix-xogħol ta’ restawr tal-ħitan l-antiki fuq barra tal-knisja, inbidlu pajpijiet tad-dawl u l-ilma li kienu għaddejjin ġol-ħajt minn barra. Sar ukoll xogħol ta’ stallazzjoni ta’ elettriku u ilma fissagristiji. B’mod volontarju, twaħħal madum ġdid fit-toilet tal-knisja.

Il-parroċċa investiet biex sar xogħol ta’ manutenzjoni u titjib fuq is-sistema li tipproteġi lill-knisja mis-sajjetti, bl-inklużjoni fost l-oħrajn tal-qniepen u strutturi oħra tal-ħadid li hemm fuq il-bejt talknisja. Is-sistema kollha ġiet iċċertifikata minn professjonisti ta’ kumpanija li topera f’dan il-qasam. Inxtara u ġie stallat tagħmir li jipproteġi s-sistema tal-elettriku tal-knisja fl-eventwalità li jkun hemm żidiet għall-għarrieda fil-vultaġġ elettriku.

Wara 10 snin jopera, ingħata bidu għal programm ta’ manutenzjoni ta’ rutina taċ-Ċentru Parrokkjali biex jinżamm fl-aħjar stat possibbli. S’issa x-xogħol iffoka fuq l-elettriku, l-ilma u l-faċilitajiet sanitarji. Kompla x-xogħol ta’ organizzazzjoni tal-Arkivju Parrokkjali.

Inxtraw aċċessorji spare għal-linef u brazzi li jintramaw fil-festi billi maż-żmien ħafna minn dawk li kellna ntużaw u ma nxtawx oħrajn biex tinżamm riżerva għalihom. Irid jingħad li minkejja l-kuntatti li l-parroċċa għamlet ma nstabux l-aċċessorji kollha għax għadda ż-żmien mindu dawn kienu nxtraw.

Fl-aħħar sena benefattur ipprovda l-materjal u min għamel ix-xogħol ta’ tapezzerija fuq sett ta’ twapet ġodda biex jintramaw fuq il-presbiterju f’festi bħall-Milied u l-Għid il-Kbir. Dan ix-xogħol sar mingħajr ħlas, l-istess kif wara li tlesta l-ewwel fażi tax-xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ ta’ Dar Dun Ġwann Abela, persuna volontarjament għorkot il-madum tal-post.

Inawgurat Ċentru Edukattiv u għall-Ħarsien tat-Tfal

Nhar il-Ħadd 8 ta’ Awwissu 2021, ġie inawgurat il-Mini Me Child Care & Educational Centre, fi Triq il-Ġnien f’Ħad-Dingli. Dan hu ċentru edukattiv u għallħarsien tat-tfal operat mill-privat fi proprjetà tal-parroċċa. Dakinhar tal-inawgurazzjoni ċ-ċentru kien miftuħ għall-pubbliku li seta’ jara din il-faċilità ġdida fir-raħal. Din il-faċilità qed isservi bħala mezz ta’ introjtu għall-parroċċa iżda fuq kollox minnha qed jingħata servizz lil bosta familji Dinglin u mliet vojt li kien ilu żmien jinħass fir-raħal.

Id-Dinglin jgħinu ’l min hu fil-bżonn

Kienu bosta l-inizjattivi ta’ solidarjetà li saru fl-aħħar tnax-il xahar.

Jekk nieħdu żmien il-Milied biss, minn Ħad-Dingli nġabret is-somma sabiħa ta’ € 5,850 għad-Dar tal-Providenza. Din is-somma nġabret waqt il-kampanja “Minn Qalbna lill-Anġli” u ġiet ippreżentata fl-ewwel jum tas-sena bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza. Għal sena oħra, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Tfal diversi persuni taw rigali u donazzjonijiet fl-inizjattiva li l-parroċċa organizzat għat-tfal li jgħixu f’Dar Fra Diegu. Inxtraw 52 rigal lit-tfal, food processor għad-dar u mid-donazzjonijiet li ngħataw kien fadal €1,405 biex matul is-sena jsiru proġetti oħra li jagħtu ’l dawn it-tfal kwalità ta’ ħajja aħjar. Bħala eżempju ta’ wieħed mill-proġetti li twettqu b’dawn il-flus, dan is-sajf residenti

f’Dar Fra Diegu qed igawdu ambjent isbaħ f’terrazzin li għamilnielu t-turf u xtrajna għalih għamara ta’ barra. Fi żmien il-Milied ukoll, tqassmu 27 hamper lil familji fil-bżonn u 19-il persuna taw iddemm f’nofs t’inhar li fih ilqajna ħdejn il-knisja l-Mobile Blood Donation Unit.

Il-gwerra fl-Ukrajna sabet lit-tfal Dinglin lesti biex jgħinu. Matul ir-Randan, il-grupp tal-abbatini għamel sejħa biex jiġbor blalen mhux minfuħa u affarijiet oħra sportivi li huma ġodda biex jintbagħtu lil tfal Ukreni bħala mezz biex jgħaddu l-ħin f’dan iż-żmien diffiċli. Ir-rispons kien tajjeb ħafna, b’dawn l-oġġetti twasslu fl-Ukrajna b’kollaborazzjoni mal-organizazzjoni Malta for Ukraine. Apparti hekk, fittieni Ħadd tal-Għid ġiet ippreżentata s-somma ta’ €2,200 lil Malta for Ukraine biex jiġu nvestiti fl-edukazzjoni tat-tfal li qed jaħarbu mir-realta’ tal-gwerra fl-Ukrajna. Minn dawn, ftit aktar minn nofshom inġabru mit-tfal tal-iskola primarja ta’ Ħad-Dingli u l-kumplament mill-Karus ta’ Imħabba li sar fir-Randan u minn donazzjonijiet oħra privati.

Il-knisja u l-pandemija tal-COVID-19

Il-bankijiet tal-knisja għamlu sena u disa’ xhur stivati fin-navi. Minflokhom, fil-knisja ntużaw siġġijiet u b’hekk setgħet tinżamm id-distanza soċjali rakkomandata mill-awtoritajiet tas-saħħa. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru 2021, it-tifsila tal-postijiet fil-knisja ġiet irranġata b’mod li erġajna ntroduċejna xi bankijiet waqt li nżammet id-distanza mitluba. It-tifsila tal-bankijiet u s-siġġijiet treġġgħu lura għan-normal fit-tieni ġimgħa ta’ Mejju 2022 meta tneħħa wkoll l-obbligu tal-ilbies tal-maskra fuq ġewwa. Il-parroċċa tirringrazzja lil kull min fis-sentejn li għaddew għen fl-arranġamenti tal-pandemija fosthom grupp ta’ ushers li kienu jiċċekkjaw it-temperatura fid-dħul u jaraw li tinżamm id-distanza soċjali. Radd il-ħajr ukoll ’l dawk li għenu fit-tindif regolari tal-bankijiet u s-siġġijiet.

for FRESH BREAD DAILY

56, San Ìwann Bosco Street, Dingli Tel: 2145 4451 Mob: 7945 4453 / 7931 9674

Open on Sunday from 6.00am to 1.00pm Il-Festa t-Tajba lid-Dinglin kollha

FREEWAY MARKETING

Importers & Wholesalers Toys – Games – Gifts

Stores / Showroom: 13, Triq il-Kataniz, G˙ar-Ram, Ûebbu© (Ind. Zone) ÛBÌ2831 - Malta

Tel: 2146 3332 Fax: 2146 8351

This article is from: