52
Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli
San Ġorġ Preca 1880 – 1962
60 sena minn mewtu 15-il sena mill-kanonizzazzjoni Din is-sena qed infakkru żewġ anniversarji b’rabta mal-qaddis Malti San Ġorġ Preca; is-60 sena mill-mewt tiegħu u l-15-il anniversarju mill-kanonizzazzjoni tiegħu. SAVIO D. BORG jikteb dwar il-mumenti ewlenin ta’ ħajjet din il-figura importanti Maltija, pilastru tal-Knisja, benefattur kbir tal-poplu, għalliem ħabrieki tal-Kelma t’Alla u appostlu tal-Evanġelju. Wara, żewġ anzjani Dinglin, JAMES EBEJER u PAUL ABELA, jisiltu mill-memorja tagħhom tifkiriet dwar Dun Ġorġ u l-M.U.S.E.U.M. f’Ħad-Dingli. San Ġorġ Preca (aktar magħruf bħala Dun Ġorġ), twieled nhar it-12 ta’ Frar 1880, fil-Belt Valletta, u għex il-biċċa kbira ta’ ħajtu l-Ħamrun. Kien is-seba’ wild fost disa’ ta’ Vincenzo u Natalina nee` Ceravolo. Studja fil-Liċeo u fis-Seminarju Maġġuri. Qabel l-ordinazzjoni marad serjament tant li l-Professur Enrico Meli, ta parir lil missieru sabiex ma jħejji xejn għall-ordinazzjoni ta’ ibnu għax ma kellux ħajja twila. Imma ftit qabel l-ordinazzjoni, ħa saħħtu, u ġie ordnat saċerdot nhar it-22 ta’ Diċembru, 1906, minn idejn l-Arċisqof Pietru Pace fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ilBelt. L-appostolat ċentrali ta’ Dun Ġorġ kien it-tagħlim; kellu ħeġġa u ħerqa kbira li jgħallem il-Kelma t’Alla lill-poplu li kien jinsab f’injoranza reliġjuża kbira. Mhux biss xtaq jgħallem, imma ried jifforma għaqda ta’ lajċi li jkunu mpenjati bl-apostolat tat-tagħlim. Għalhekk beda jiġbor żgħażagħ għal din il-missjoni delikata. Minn fosthom għażel wieħed, Ewġenju Borg, li kellu jkun l-ewwel Superjur Ġenerali. Beda jgħallimhom it-tagħlim tal-Knisja u l-Iskrittura. Għall-ewwel kienu jiltaqgħu fil-knisja ta’ Nuzzo; ftit wara krew post fqajjar f’nru 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Nhar is-7 ta’ Marzu, 1907, inżammet l-ewwel laqgħa f’dan il-post li kellu jkun il-mixtla ta’ din l-opra. Wieħed minn dawk preżenti, ssuġġerixxa l-isem ta’ Mużew. U Dun Ġorġ tant kellu ħerqa li jgħallem, li kull ittra tal-kelma M.U.S.E.U.M. rabat magħha kelma – Magister Utinam Seguatur Evangelium Universus Mundus – “Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek.” Kull bidu huwa iebes; xi wħud ma fehmux x’qed jagħmel Dun Ġorġ. Fl-1909, il-Vigarju Ġenerali tah ordni sabiex jagħlaq l-oqsma li kien fetaħ. Dun Ġorġ obda minnufih; kellu mħabba kbira lejn il-Knisja, u dejjem ubbidjenti lejn l-awtoritajiet tagħha. Biss, kien hemm kappillani li qabżu għalih u l-ordni ġiet irtirata. Fl-1910 beda l-appostolat fost in-nisa. Sa mill-bidu ta’ din l-opra qaddisa, Dun Ġorġ, dejjem emmen fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u fis-sehem tal-lajċi fil-Knisja! L-oqsma malajr bdew jinfetħu fl-irħula kollha ta’ Malta u Għawdex! Wara diversi provi oħra, bħal inkjesta tal-1916, l-Arċisqof Dom Mauro Caruana OSB, fl-1 ta’ Mejju 1932 approva r-Regola tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.). Esperjenza partikolari li baqa’ jsemmi tul ħajtu kollha, ġrat għall-ħabta tas-sena 1910; esperjenza li kkonfermat il-missjoni li kellu jwettaq matul ħajtu. Huwa stess jirrakkonta l-ġrajja ta’ Croce Marsa.