1 minute read

TNAQQIS TAL-QGĦAD F’GĦAWDEX DOPPJU TA’ MALTA

Next Article
THE MOOR MURDERS

THE MOOR MURDERS

Skont ċifri tal-Jobsplus, fi tmiem Marzu li għadda kien hemm biss 58 resident Għawdxi li kienu qegħdin jirreġistraw għal impjieg, li jfisser li l-qgħad f’din il-gżira reġa’ laħaq minimu storiku. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ tnaqqis fl-ammont ta’ Għawdxin, li kienu qed ifittxu impjieg, kienet id-doppju ta’ dik osservata fost ir-residenti Maltin.

Qabel Robert Abela laħaq Prim Ministru, l-għadd ta’ Għawdxin jirreġistraw kien ta’ 174, għaldaqstant il-qgħad f’Għawdex niżel għal terz ta’ dak li kien fil-bidu tal-2020. Dan jikkonferma bil-kbir kemm taħt it-tmexxija attwali Għawdex tpoġġa fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u soċjali tal-Gvern.

Advertisement

Ta’ min ifakkar kif f’kull pakkett ekonomiku, li tressaq mill-Gvern waqt il-pandemija tal-COVID-19, azjendi li joperaw minn Għawdex kienu ngħataw inċentivi sostanzjali. Dan fid-dawl li fi kriżijiet preċedenti dawn l-azjendi kienu l-aktar li jnaq- qsu l-impjiegi, għax jiffaċċjaw spejjeż ikbar minħabba li joperaw minn gżira ċkejkna u b’insularità doppja. Bil-pandemija, l-impatt fuq l-ekonomija Għawdxija kien qawwi sew, tant li l-ammont ta’ Għawdxin jirreġistraw kien tela’ għal 315 f’Mejju tal-2020, jiġifieri kważi rdoppja fuq medda ta’ tliet xhur.

Bl-intervent qawwi ta’ sostenn min-naħa tal-Gvern, din iż-żieda mhux talli kienet irkuprata kollha malajr, imma fit-tliet snin ta’ wara nkiseb rekord wara l-ieħor fil-ġlieda kontra l-qgħad f’Għawdex. Bejn Mejju 2020 u Marzu 2023, l-am- mont ta’ Għawdxin jirreġistraw naqas b’aktar minn ħames darbiet.

L-ekonomija Għawdxija mistennija tkompli tikber b’saħħa hekk kif aktar miżuri tal-manifest “Malta Flimkien” jibdew jiġu implimentati. Minbarra proġetti ta’ natura kapitali u ambjentali, se jidħlu miżuri biex Għawdex ikollu l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej li qatt kellu, filwaqt li se jkomplu jitjiebu l-inċentivi għal azjendi li joperaw mill-gżira.

Din il-ġimgħa stess, il-Prim Ministru żar aktar investimenti f’Għawdex. Fir-Rabat żar il-kumpless rinnovat tal-Arkadia fejn iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema li jaħdmu fi stabbilimenti differenti u fix-Xagħra żar investiment ta’ €6.5 miljun li sar f’lukanda bl-isem ta’ The Segond.

Hu tenna kif il-Gvern jibqa’ ffokat biex jibqgħu jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u titjieb il-qagħda tal-ħaddiema anke ta’ dawk f’Għawdex fejn jibqgħu jsibu xogħol li jrendi f’Għawdex stess.

This article is from: