1 minute read

MAL-20,000 BAQGĦU JISTUDJAW FUQ IS-60

Next Article
THE MOOR MURDERS

THE MOOR MURDERS

Mindu tnediet l-Università tat-Tielet Età (U3E) f’Malta fit-23 ta’ Jannar tal-1993, taħt il-patroċinju tal-Università ta’ Malta, kien hemm 19,983 persuna ta’ ’l fuq minn 60 sena li għażlu li jerġgħu jibdew jistudjaw. Fis-sena akkademika attwali hemm 647 persuna, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn is-60 u t-98 sena, li qed jattendu l-Università tat-Tielet Età. Bħalma dejjem kien sal-lum, fil-maġġoranza assoluta tagħhom dawn huma nisa, total ta’ 499 mara kontra l-148 anzjan raġel.

Minn tagħrif ippubblikat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fi tweġiba Parlamentari lid-Deputata Paula Mifsud Bonnici, jirriżulta li storikament minn dejjem kienu n-nisa l-aktar li attendew għall-U3E. Id-distakk hu konsiderevoli, tant li fi 30 sena, kien hemm 4,225 raġel u 15,758 mara.

Advertisement

L-akbar għadd ta’ rġiel (252) ġie rreġistrat fis-sena akkademika 201920, sena qabel il-pandemija. L-akbar ammont ta’ nisa (701) kien fis-sena akkademika 1999-20, li wkoll kellha l-akbar attendenza, dik ta’ 877 student.

Din l-Università toffri firxa ta’ programmi ta’ tagħlim li jvarjaw kull sena. Il-kwalità tat-tixrid tal-għarfien hi estensiva, tant li l-U3E Maltija issa hi stabbilita sew bħala pilastru ewlieni fil-Politiki Nazzjonali Maltin dwar it-Tagħlim Tul il-Ħajja u tal-Anzjanità Attiva.

L-attendenza għal-lectures mhix obbligatorja u għalhekk tvarja skont is-suġġetti, li jkopru millużu tal-ismartphones sal-apprezzament tal-arti, l-istorja u l-arkeoloġija lokali u dinjija sar-rabta tax-xjenza mar-reliġjon, minn kif wieħed jieħu ħsieb saħħtu f’età avvanzata sal-apprezzament ta’ films, Melitensia, kif wieħed ikabbar l-istima fih innifsu, l-ekonomija, il-liġi, il-kultura u l-folklor, u għadd ta’ suġġetti oħrajn.

Fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023-2030 hemm miktub ċar l-impenn talGvern biex it-tagħlim fit-tielet età jkollu aġenda ta’ parteċipazzjoni wiesgħa biex din tilħaq iżjed anzjani, inklużi dawk b’livelli aktar baxxi ta’ edukazzjoni, dawk li jgħixu f’lokalitajiet rurali, minoritajiet etniċi u anzjani b’diżabilità li jgħixu fil-komunità.

Dan it-tagħlim mhux biss jikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u jissodisfa x-xewqat għall-iżvilupp personali, iżda jservi wkoll ta’ strument fl-inklussività soċjali.

L-U3E hi ispirata mil-leġiżlazzjoni li għadda l-Gvern Franċiż fl-1968 li għamlet l-universitajiet responsabbli għall-edukazzjoni tul il-ħajja. Fl1972, l-Università ta’ Toulouse ħolqot klassijiet ta’ skola fis-sajf għal persuni rtirati. L-entużjażmu tant kien kbir, li fi tmiem il-programm ġew stabbiliti oħrajn permanenti għal studenti tat-tielet età. Minn hemm bdiet l-Università tat-Tielet Età fi Franza, li nxterdet mal-Ewropa, inkluż fl-1993 f’Malta.

L-U3E f’Malta, li tqarreb aktar is-sistema Franċiża milli dik Ingliża, rat żieda bla preċedent flistituzzjonijiet edukattivi li jilqgħu esklussiva ment għall-ħtiġijiet u għall-interessi tat-tagħlim tal-anzjani. It-twaqqif tagħha kien ukoll suċċess fl-impenn tat-tagħlim f’età avvanzata.

This article is from: