10 minute read

Ben Camille u r-relazzjoni tiegħu m’Elle

L-intervista ma’ Ben Camille kienet waħda li ma ninsa qatt. It-tifla tiegħu Elle ffissata fuqu u l-ħin kollu tkun trid toqgħod miegħu. Wiċċha jixgħel xħin joqgħod jilgħab magħha. Trid taraha xħin kelli niġbed lil Ben ħalli nagħmlulu l-intervista waħdu x’għamlet! Imnalla kienu l-fotografu Bernard Polidano u l-mara tiegħu li aljenawha ftit u komplew jiġbdulha r-ritratti! Dawn it-tlieta – Ben, Kristina (li qed tistenna t-tieni tarbija) u Elle – għandhom relazzjoni verament ħelwa. Ben umli u ċajtier ħafna, forsi differenti milli jidher fuq itteleviżjoni. Ammirajna l-passjoni li għandu fl-irwol ta’ missier u l-imħabba għat-televiżjoni.

X’kienet ir-reazzjoni tiegħek xħin rajt lil Elle titwieled?

Advertisement

Dak il-ħin ħassejt emozzjonijiet kbar. L-ewwel ħsieb tiegħi mar fuq Kristina, kont moħħi fiha l-ħin kollu. Ilproċess kollu tat-tqala kien xi ħaġa kbira għalina. Meta rajt li t-tarbija kienet b’saħħitha u kollox mar kif suppost, irrealizzajt li jien sirt missier. Avolja jkollok dawk id-disa’ xhur biex inti tipprepara mentalment, ikun dak il-mument meta tara t-tarbija għall-ewwel darba u tħossha f’dirgħajk li temmen li sirt papà. Din kienet l-isbaħ emozzjoni li qatt għext f’ħajti.

Kristina nafu li damet ftit xhur sakemm ġiet f’tagħha. Għall-bidu qaltlek ukoll li ma xtaqitx tfal iżjed. Kif ħassejtek?

Dan hu punt vera importanti li nitkellem dwaru. Ħafna nies isejħulha ‘baby blues’ u hemm ħafna kliem differenti li jiddeskrivu l-fatt li f’dak il-ħin il-hormones tiegħek ikunu litteralment kullimkien. Hija xi ħaġa normali ħafna u m’għandekx tistħi minnha. Din il-fażi jgħaddu minnha ħafna ommijiet u anke missirijiet. Kien ikun hemm mumenti fejn konna nkunu qegħdin nitkellmu u tinfaqa’ tibki għalxejn. Riċenti erġajna tkellimna fuqha għax rajna filmat flimkien

Ritratti tal-faccata u tal-istorja prinċipali: Bernard Polidano Xagħar Ben: Prive; Xtina: Nicole @ Dean Gera Irtokk Ben u Xtina: Alfie’s Hair & Beauty Grooming Ben: Inglott Agenżija: ModelsM Ritratti meħudin: Onepercent

u ħadna pjaċir li rajnieh, għax stajna nindunaw bid-differenza minn dak iżżmien għal-lum il-ġurnata. Niftakar noħroġ filgħodu wara li nkunu ħadna l-kolazzjon flimkien u jkollha burdata tajba, iżda xħin ngħidilha ‘ċaw’ kienet tinfaqa’ tibki. Kont nistaqsiha jekk ġralhiex xi ħaġa iżda ma kinitx tkun taf.

Għalija wkoll kien mument diffiċli għax ħassejtni li ma nistax ngħin. Ma tistax tgħin persuna meta lanqas hi ma taf x’għandha ħażin. Imma bħal kollox fil-ħajja sibt li l-komunikazzjoni kienet l-aqwa mediċina. Tkellimt magħha u anke ma’ persuni li kienu fl-istess sitwazzjoni u għenuna ħafna. Meta tinduna li ħaddieħor għadda millistess esperjenza, tibda tħossok aħjar. Ilparir tiegħi għal dawk li qed jgħaddu minn

“Meta rajt li t-tarbija kienet b’saħħitha u kollox mar kif suppost, irrealizzajt li jien sirt missier.” Ben

din l-esperjenza hu li dan il-perjodu jgħaddi u l-importanti li l-koppja tkun hemm għal xulxin. Tkellmu ma’ nies li għaddejjin mill-istess sitwazzjoni u iftħu qalbkom. Jekk inti tikkomunika mal-partner tiegħek u tkunu hemm għal xulxin ser jirnexxilkom tegħlbu dan l-ostaklu; mhux perjodu faċli iżda jgħaddi.

X’jagħtik l-aktar sodisfazzjon fit-trobbija ta’ Elle?

Nammiraha meta naraha tikkomunika u tgħid ċertu kliem. Dan iż-żmien tibda wkoll tara ċertu valuri tagħha bħal kif tirreaġixxi ma’ tfal oħra. Saret tgħid ‘grazzi’ meta xi ħadd jagħtiha xi ħaġa, kif ukoll tgħid ‘jekk jogħġbok’ meta toffrilek xi ħaġa. Huma dawn l-affarijiet iż-żgħar li jagħtuni sodifazzjon bħala missier. Napprezza l-fatt li hi tifla b’saħħitha. Illum il-ġurnata aktar minn qatt qabel ngħożż is-saħħa. Peress li għandi ħbieb li għaddejjin minn mumenti diffiċli, napprezza u ninduna kemm hi importanti s-saħħa.

Iddiskrivejt l-irwol ta’ missier bħala “xi ħaġa tal-biża’ iżda l-aktar ħaġa sabiħa”. X’ridt tgħid biha?

Il-ħaġa tal-biża’ hi bla dubju r-responsabilità li tiġi mal-irwol ta’ missier. Xi ħaġa li qed ninduna ħafna f’Elle, hi u tikber, hija kemm titgħallem u tikkopja affarijiet minna. Riċenti konna ma’ xi ħbieb f’pixxina, kuġinuwi mar jimbotta ħabib ieħor tagħna fil-pool. Ftit sekondi wara t-tifel ta’ kuġinuwi li għandu l-istess età ta’ Elle, mar u mbottaha fil-pool. Dak il-ħin dħakna, Elle ma ddejqitx għax ħaditha bħala logħba imma dak il-ħin irrealizzajt kemm dawn iż-żgħar jinnotaw x’qed nagħmlu aħna l-adulti u jikkuppjawna. Dan eżempju żgħir iżda jista’ jiġi applikat għal sitwazzjonijiet oħra. L-affarijiet li nagħmlu u ngħidu jistgħu jiddeterminaw il-valuri li qed ngħaddu lil uliedna. Ikun għalhekk għaqli li bħala ġenituri nkunu responsabbli ta’ x’nagħmlu u ngħidu. Għalhekk l-irwol ta’ ġenitur hu ħaġa tal-biża’, għax din hija waħda mill-akbar responsabilitajiet li qatt kelli f’ħajti. Irwol li ħerqan ħafna li nkompli ngħożż għax nista’ nirrifletti l-valuri tiegħi u dawk li jogħġbuni fija nnifsi u nipprova nagħtiha dawk filwaqt li nbegħedha minn dawk l-karatteristiċi tiegħi li jdejquni.

Kif qed tippreparaw lil Elle għat-tarbija l-ġdida?

Din kienet diskussjoni li kellna kemm-il darba. L-istess diskussjoni kienet saret fuq kif ser nippreparaw lill-klieb tagħna għall-wasla ta’ Elle. Kważi kważi nużaw l-istess metodu. Konna noħorġu qlejba u nagħtuha lill-klieb biex jibdew ixommuha. Konna daħħalna l-car seat fid-dar biex jibdew ixommuh ukoll. Konna wkoll ngħidu isimha ħafna u l-istess ħaġa qed nagħmlu ma’ Elle. Ma’ Elle qed nagħmlu affarijiet żgħar bħal nippuntaw lejn żaqq Kristina u ngħidulha bit-tarbija. Meta naraw it-trabi barra mid-dar qed nipprovaw ngħinuha tifhem li hemm trabi oħra fid-dinja u anke nżomm tarbija oħra fuqi. L-ewwel darba li għamiltha

qisha bdiet tgħir xi ftit. Ħa nkun onest magħkom, jien ftit nervuż, bħal kulħadd nimmaġina. Ftit ilu rajt filmat ta’ ħbieb tagħna fejn laqqgħu t-tarbija l-ġdida tagħhom mal-ewwel tarbija u kien mument emozzjonali ħafna. Huwa mument li għatxan ħafna għalih.

Kien hemm filmat ta’ Elle qed tarak tippreżenta X Factor. X’għedt xħin rajtu?

Dak kien eċċellenti u maġiku. Kien meħud b’kumbinazzjoni meta Kristina kienet għand ommha qed tara l-X Factor. Bejn qasamli qalbi għax ma kontx preżenti u min-naħa l-oħra mlieni b’kuraġġ. Avolja nistaqsi lili nnifsi kemm ser indum f’din il-karriera, ma nistax nieqaf sakemm Elle tarani u tapprezza l-aktar xogħol li jagħtini sodisfazzjon. S’issa tarani u tgħid ‘Papà’ imma nixtieq li tkun qed tifhem x’qed nagħmel. Xewqa żgħira li għandi hi, jekk Alla jrid jerġa’ jsir X Factor, u hi tkun hemm u tkun qed tieħu pjaċir mat-tfal l-oħra filwaqt li tiftaħar li jien missierha.

Nixtieq nirringrazzja lil Kristina u l-familja kollha tagħha tal-paċenzja li jieħdu bija waqt X Factor. Dak iż-żmien ma nkunx preżenti daqskemm nixtieq inkun għal Elle. Jien persuna li nieħu pjaċir ħafna nqatta’ ħafna ħin mat-tifla u nkun preżenti fil-ħajja tagħha. Dak iż-żmien ma nkunx. Inħoss li nonqosha xi ftit u jiddispjaċini. Għalija dik emozzjoni diffiċli ħafna għax inkun qed nagħmel l-aktar ħaġa li nħobb f’ħajti imma nkun qed nitraskura lill-aktar persuni li nħobb fil-ħajja tiegħi. Emozzjonijiet imħalltin.

Il-ħajja personali ta’ Ben u kif ser iqatta’ l-birthday Timmissjah l-X Factor?

Ħafna ħafna! Riċentament kien hemm ir-repetizzjonijiet fuq l-istazzjon nazzjonali u ma stajtx ma narahomx għalkemm nistqarr li rajthom kemm-il darba biex nitgħallem mill-iżbalji li nkun qed nagħmel. Segwejthom u vera ħadt pjaċir narahom. Qabduli nostalġija kbira! X Factor kienet produzzjoni ta’ kwalità għolja ħafna u nixtieq nirringrazzja lill-produtturi kollha li għamlu biċċa xogħol ta’ barra minn hawn. Nimmissja kemm-il produzzjoni u kemm-il ħajja li ngħix f’dawk iż-żminijiet. Għal dawk il-ftit ġimgħat tkun qed tgħix ħajja differenti.

Tammetti li kellek grazzja mal-grupp F.A.I.T.H.?

Ovvja! Inħobbhom! Kelli grazzja kbira magħhom. Fl-aħħar mill-aħħar uman u jkolli l-emozzjonijiet kif ikollu kulħadd. Nipprova kemm jista’ jkun nibqa’ newtrali imma fil-fatt d-deċiżjoni tiegħi ma tfisser xejn għax m’għandi l-ebda vot. Speċjalment fil-fażijiet finali r-relazzjoni li tibni mal-kontestanti tkun kbira. Lejn il-finali aħna nagħmlu sigħat twal mat-tim kuljum. Ma’ F.A.I.T.H. kelli ħafna grazzja u kuntent li Howard ikkonfermali li għadhom flimkien u mistagħġbin kemm qed ikollhom requests biex ikunu preżenti waqt attivitajiet.

Ser narawk f’xi produzzjoni minn Ottubru?

Iva! L-affarijiet mhumiex ikkonfermati għax qed jiġu diskussi. M’iniex inħossni li lest biex nieqaf mill-produzzjonijiet televiżivi. Anzi għandi enerġija kbira li qed tiżdied ma’ kull sena. Meta nara produzzjonijiet bħall-X Factor u Malta’s Got Talent iktar nagħmel kuraġġ biex nibqa’ quddiem il-kamera għax nieħu pjaċir. Hemm ħafna proġetti

din is-sena li ser nagħmilhom fuq il-midja soċjali għax qed nara li t-trend qed taqleb ħafna fuq hemmhekk. Nieħu gost ħafna sew jekk inkun qed nippreżenta, kif ukoll nipproduċi. L-importanti li l-produzzjoni tkun xi ħaġa bis-sens u ġġiegħel linnies jieħdu pjaċir jarawha.

Qed nieħu pjaċir inkun wara l-kamera wkoll. Din is-sena produċejt il-programm Kompendju ma’ Andreana u Melanie Kelly fuq TVM. Kienet l-ewwel darba li produċejt kwiżż xow u vera ntlaqa’ b’mod pożittiv. Ħerqan li nagħmluh fliskeda l-ġdida. Hemm xi proġetti oħra li għalissa ser inżommhom sigrieti!

Il-kwiżż xow ‘Kompendju’ kien kollu fuq il-Malti, Malta u l-Maltin. Kont taqtagħhom il-mistoqsijiet?

Jien diżastru! Kif jafu ħafna nies nieħu ħafna żbalji bil-Malti. Tajjeb li ngħidu li missieri hu Malti imma twieled l-Ingilterra u d-dar kien jitkellem bl-Ingliż. Maż-żmien bdejt nitkellem m’ommi bil-Malti għax ridt li nidra nitkellem u nipprattika. Illum ilġurnata nkellimha bil-Malti. Ħafna mill-Malti tiegħi tgħallimtu mill-futbol; kieku ma kontx nilgħab il-futbol ma’ Raħal Ġdid, il-Malti tiegħi kien ikun agħar milli hu (jekk hu possibbli).

Kompendju kien kollu fuq Malta u probabbli li kieku kont kontestant kont immur diżastru! Fil-fatt Andreana tgħidx kemm tidħaq bija għax hi kienet tagħmel il-kontenut. Meta kienet tipprova l-kontenut fuqi u fuq Melanie konna ngħidulha li tista’ tagħmilhom kemm trid għax ma kienx ser ikun eżami fair. Apprezzajt ħafna dan il-programm għax jien u nagħmlu tgħallimt ħafna u stagħġibt kemm hawn nies li jafu fuq l-istorja ta’ Malta.

F’Awwissu tiċċelebra għeluq sninek u qed tistenna li Kristina ser twelled. Taħseb li twelled fil-birthday tiegħek?

Id-data tal-ħlas hija mistennija fit-18 t’Awwissu u jien twelidt fis-16 t’Awwissu! Hemm possibilità kbira li twelled f’dik id-data. M’għandix aspettattivi u ma tagħmillix differenza; l-aqwa li t-tarbija titwieled qawwija u sħiħa. M’iniex xi wieħed li niċċelebra għeluq snini!

Ma nafx din is-sena fejn ser inqattgħu! Kien żmien fejn kont niċċelebra għeluq snini meta kont ngħix m’ommi, missieri u ħija! Kienu jieħdu pjaċir u ma kinux jiddejqu li nġib il-ħbieb tiegħi biex niċċelebraw flimkien. Kien ikollna parties tajbin! Imma issa aktar moħħi biex ma ndejjaqx il-ġirien peress li ċċaqlaqna għad-dar il-ġdida.

Kif tikkumpara l-post il-ġdid mal-qadim?

Il-post il-ġdid akbar għax l-appartament ta’ qabel kien vera żgħir! Iċ-ċaqliqa għamilnieha għat-tfal fil-verità. Bqajna fl-istess lokalità; San Ġiljan. Id-dar il-ġdida aktar spazjuża u l-hena tiegħi li nara lil Elle tiġri fl-ispazju kbir li għandna. Issa għandna spazju barra, qabel ma kellniex. Il-post il-ġdid qisu ħolma, rajnieh art vojta fil-bidu u tellajna kollox kif xtaqna aħna. Għamilna sentejn naraw trab biss! Fil-bidu kellna ħafna problemi u konfużjoni imma flaħħar qegħdin fuq is-sufan naraw it-televiżjoni. Esperjenza sabiħa ħafna.

Kif ħaduha l-klieb li daħlu f’dar ġdida?

Il-klieb kienu mbeżżgħin l-ewwel darba li dħalna fil-post. Ma kinux jafu x’laqathom! Ma ninsa qatt xħin bdew jarawna nċaqalqu l-affarijiet – bdew jiġġennu. Kristina kienet qed tinkwieta ħafna għalihom. Fl-aħħar ġurnata meta ġarrejna kollox u ħallejniehom warajna ħasbu li ħa nħalluhom hemm. Bdew jaraw id-dar bil-mod il-mod tiżvojta. Fl-aħħar mill-aħħar meta ġejna fil-post il-ġdid kienu konfużi dwar x’qed jiġri. Għall-ewwel ftit ġranet kull fejn immorru aħna kienu jiġru warajna, imma issa draw u qegħdin f’ġenna tal-art!

X’ħajrek li tibda programm tal-ikel mid-dar tiegħek stess?

Ħaġa li indunajt li l-followers tiegħi jħobbu, kif probabbli jħobb kulħadd, inkluż jien, hu l-ikel. Vera ħadt pjaċir nipproduċi dan il-programm għax inħobb ħafna l-ikel (mhux insajjar!). Qed nitgħallem kif insajjar flimkien ma’ ħu Kristina li hu kok fenomenali. Flimkien qed nuru n-nies kif jistgħu jużaw l-elementi ta’ kċina fuq barra bħal BBQ b’affarijiet li mhux komuni ssajjar fuqhom. L-ewwel programm kien fuq kif tista’ ssajjar il-pancakes fuq il-BBQ. Meta qaluli bdejt nidħaq għax ħsibt li ma kienx possibbli imma hemm metodu kif tagħmilhom! Meta tara lil xi ħadd jagħmilhom titgħallem kemm l-oġġett hu faċli biex tagħmlu. Issa qed nitgħallem ftit ftit, mhux tajjeb daqs Mark imma qed jirnexxili.

X’qalulek sħabek fuq id-dar il-ġdida?

Għoġbithom! Jien u Kristina nħobbu ħafna norganizzaw il-festini u nistiednu n-nies id-dar tagħna. Napprezzaw ħafna l-familjari u l-ħbieb tagħna u nkunu nixtiequ li nqattgħu ħin magħhom. Kważi nasal ngħid li apparti għat-tfal, iċċaqlaqna biex ikollna spazju ħalli niċċelebraw flimkien ma’ dawk l-għeżież tagħna. Kull weekend nistiednu lil xi ħadd differenti, b’Kristina żżomm amment tal-mistednin fuq kalendarju. Ninkwetaw biss meta jkollna xi weekend vojt għax ġenwinament nieħdu pjaċir inkunu mdawrin b’ħafna nies.

Imma int ma ssajrilhomx xi ħaġa?

Qed nipprova! Skont min ikunu l-mistednin u skont kemm għandi kunfidenza magħhom. Jekk ikolli ħafna kunfidenza nsajjar jien.

This article is from: