6 minute read
L-iżvilupp ta’ trabi żgħar
from GWIDA August 2020
MERĦBA LIT-TRABI CARA, ĊIKKA, LUIGI, ANDREAS, LENNY... IMMA X’QED IĦOSSU?
Din is-sena bdejnieha bl-aħbar sabiħa mingħand l-influencer Danita Camilleri li ħabbret li kellha l-ewwel tarbija, Lenny. Daniel tad-Danusan kellu lil Cara eżatt qabel bdiet il-pandemija. Il-kantant Victorio Gauci sar missier għat-tielet darba u kellu lil Luigi. Il-kantanta Eleanor Cassar welldet lil Andreas, u Sean Buhagiar, id-direttur artistiku, sar ġenitur ta’ tarbija li semmieha Ċikka!
Advertisement
L-irwol ta’ missier u omm mhux faċli, speċjalment jekk tkun sirt ġenitur għall-ewwel darba. Missjoni li bħalma ddeskrivieha tajjeb Ben Camille, “Tal-biża’ imma l-isbaħ ħaġa possibbli”. Fi ftit xhur trid tipprepara ruħek għal bidla drastika, sakemm fl-aħħar tilqa’ f’darek it-tarbija l-ġdida. Kulħadd bl-istess kelma li xħin terfa’ lit-tarbija għall-ewwel darba, tinsa l-istress li tkun għaddejt minnu u tibda tgħix. Tirrealizza li dik it-tarbija hija parti minnek. Esperjenza maġika u unika għal kull ġenitur. Kull ġenitur isemmi wkoll kif inqalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq bi sfidi ġodda ta’ kuljum. Huwa komuni li ġenituri fl-ewwel ftit xhur jesperjenzaw biżgħat u ansjetà. Dawn jistgħu jintrebħu biss billi wieħed jippjana sew, jaqsam l-esperjenzi mal-oħrajn u jitgħallem fuq x’inhu l-aħjar għat-tarbija.
Żomm djarju u ikteb kollox!
Kemm hu sabiħ li timmarka l-avvenimenti l-kbar tat-tfal tiegħek. Dawn huma memorji li ser tibqa’ tgħożż għal ħajtek. Meta wieħed iħares lura fuq it-tfal tiegħu jibqa’ impressjonat kemm-il ħin tar malajr. Forsi bi djarju tkun tista’ tiftakar l-ewwel tbissima, l-ewwel kelma, l-ewwel sinna! Jekk taf tieħu filmat tant l-aħjar, ħalli meta t-tarbija tikber tkun tista’ turiha l-iżvilupp tagħha.
Għalkemm mhux kulħadd jiżviluppa bl-istess mod, wieħed jista’ jżomm f’rasu dawn il-punti dwar x’għandek tistenna fl-iżvilupp tat-tarbija tiegħek, bħala gwida. Bejn xahar u xahrejn it-tarbija tibda titbissem, taqbad oġġetti fil-viċinanzi tagħha u tiftaħ u tagħlaq idejha. Fix-xahrejn ta’ wara hu mistenni li tara t-tarbija tidħaq, tlablab, titgħallem toqgħod bilqiegħda u ddur fuq ġenbha. Fil-ħames u s-sitt xahar, it-tarbija titgħallem timxi mbeqq u tirrispondi għallkliem familjari, kif ukoll iċċapċap. Fis-seba’ u t-tmien xahar, mistenni li tgħid l-ewwel kliem tagħha filwaqt li hemm imnejn li titgħallem toqgħod bilwieqfa. Fid-disa’ u l-għaxar xahar ser tibda tesplora u turi interess f’affarijiet ta’ madwarha. Flaħħar xahrejn tal-ewwel sena t-tarbija tagħmel l-ewwel passi u turi bidla sħiħa fl-emozzjonijiet tagħha.
Kif iżżommha t-tarbija?
Trid tkun preċiż u tuża delikatezza liema bħalha meta terfa’ tarbija ċkejkna. Tarahom wisq fraġli f’għajnejk. L-ewwel regola importanti hi li tassigura li jdejk huma nodfa! Issa drajt taħsel idejk ta’ spiss u f’dan il-kas hu importantissimu. Aħsel u ogħrok idejk sewwa għal għoxrin sekonda taħt l-ilma bissapun qabel taqbad lit-tarbija. Tinsiex li t-tarbija tkun għadha qed tibni l-immunità tagħha. Sal-ewwel ftit xhur din tkun għadha vulnerabbli u tista’ tintlaqat minn xi infezzjoni jew germs. Hu importanti wkoll li min jerfa’ t-tarbija jara li rasha jkollha sapport tajjeb għax il-muskoli ta’ għonqha jkunu wisq debboli biex jissapportjaw il-piż tagħha.
Kif ser naħsel dawk il-ħwejjeġ?
Ġenituri li għadhom kemm kellhom tarbija tista’ tagħraf id-dar tagħhom malajr għax ikollhom bejt ħwejjeġ. Mhux sigriet li t-trabi jkollhom bżonn diversi tibdiliet matul il-ġurnata għaliex jitħammġu malajr. It-trabi speċjalment tkun trid tbiddlilhom bejn kull sagħtejn u tliet sigħat għax il-ħarqa jekk tkun mimlija taf tagħmel ħsara l-ġilda u jaf jiżviluppa raxx. Meta t-tarbija tibda tikber ma jkunx hemm bżonn li tiċċekkja l-ħarqa daqshekk frekwenti. Tibda tinnota t-tarbija qed torqod għal ammont twil filgħaxija u m’hemmx bżonn ittellfilha n-nagħsa!
L-ewwel ħwejjeġ tat-tarbija huma l-onesies għax tista’ tlibbishomlhom malajr u b’mod faċli. Dawn il-onesies huma tajbin biex tibdel il-ħarqa malajr meta tibda xxomm dik ir-riħa mhux pjaċevoli! Tinsiex taħsel ilħwejjeġ tat-tarbija b’diterġent apposta delikat u tajjeb għal ġilda sensittiva. Tajjeb li ngħidu li ħafna washing machines għandhom programmi apposta għall-ħwejjeġ tat-trabi sabiex jiżguraw li jkunu nodfa.
Il-ħalib u l-breastfeeding
L-aktar żmien ta’ ħajtek li tkun bil-ġuħ hu meta tkun għandek titwieled. Prattikament tkun trid tiekol bejn kull sagħtejn u tliet sigħat anke billejl (għalhekk ikollok bżonn ħafna interventi ta’ tibdil tal-ħarqa). Meta l-omm tkun ser tagħmel id-deċiżjoni jekk hux ser tredda’ lit-tarbija jew inkella tagħtiha formula, importanti li ma jkollhiex indħil mill-familjari. Tajjeb li nsostnu li din hi deċiżjoni personali li għandha tittieħed mingħand il-koppja. Deċiżjoni bħal din għandha tiġi bbażata fuq diversi fatturi, fosthom anke s-saħħa tal-omm, il-livell ta’ kumdità u l-istil ta’ ħajja li l-omm tkun qiegħda tgħix.
Ġeneralment l-esperti jirrakomandaw li tibda billi tredda’ lit-tarbija, għax il-ħalib tal-omm għandu ċertu nutrijenti fih li huma bżonjużi għall-ewwel ġimgħat tat-tarbija. Bis-saħħa ta’ dan il-ħalib, l-omm tkun qed tgħaddi l-antibodies lit-tarbija tagħha sabiex tiġġieled xi infezzjoni. Hu għaqli li tieħu pariri minn professjonisti fuq dan is-suġġett sabiex jagħrfuk b’aktar informazzjoni, speċjalment meta tkun qed tesperjenza diffikultà biex tredda’. Ħafna jissuġġerixxu biex jitkellmu ma’ persuni qrib tagħhom fuq l-esperjenza li għaddejjin minnha ħalli jkunu komdi jitkellmu kif jixtiequ huma.
Meta t-tarbija jkollha bejn sitt u tmien ġimgħat ikun żmien opportun sabiex tibda l-ħalib tal-formula firrutina tat-tarbija. Mhux talli dan il-ħalib huwa sors alternattiv bnin iżda jkollu n-nutrijenti kollha sabiex jikbru u jiżviluppaw b’saħħithom.
L-imberkin sigħat meta jkunu reqdin!
Ġenituri li jkollhom l-ewwel tarbija donnhom jiftiehmu fuq is-suġġetti li jitkellmu fuqhom. Il-ħarqa, l-ikel u l-irqad! Għall-ewwel ftit ġranet il-ġenituri ma tantx jesperjenzaw ħafna rqad u għalhekk tajjeb li wieħed jikkomunika u jaqsam ix-xogħol. Trabi tat-twelid jorqdu sa massimu ta’ 16-il siegħa kuljum iżda jagħmluhom f’raqdiet qosra. Għall-ġenituri din l-iskeda taf toħloq skumdità għax it-tarbija tqum mal-lejl u ma tħallihomx jorqdu. B’hekk ġenituri li għaddew mill-istess esperjenza jirrakomandaw li jkun hemm qisu xifts bejn il-partners. Tal-inqas din tiggarantixxi lejl ta’ rqad għal ġenitur minnhom li jkollu enerġija biżżejjed sabiex jieħu ħsieb it-tarbija l-għada.
Hemm diversi metodi kif wieħed jista’ jraqqad it-tarbija jekk tkun qed tesperjenza diffikultà fl-irqad. Ipprova ħaddanha miegħek u ibda oqmos bil-mod, jew inkella prova uża siġġu biex tbandal bil-mod it-tarbija. Ditta ta’ karozza rinomata għamlet studju għaliex it-trabi jorqdu fil-karozzi waqt is-sewqan. L-istess studju applikatu f’push chair li jiċċaqlaq bl-istess mod ta’ karozza u b’hekk it-tarbija tkun tista’ torqod b’mod feliċi.
Spiss insibu li tarbija torqod aħjar b’mużika ta’ rilassament iżda jekk xorta ma torqodx, prova aħsilha f’banju fietel għax jgħin ħafna lit-tarbija tikkalma u tirrilassa. Jekk it-tarbija tirrifjuta li torqod fuq is-sodda tagħha, prova saħħan ftit is-sodda b’heating pad apposta biex tirrifletti s-sħana tal-ġisem tal-ġenituri, b’hekk ittarbija taħseb li tkun qed tiġi merfugħa.
Il-ġenituri jridu jiftiehmu u jaqsmu x-xogħol!
Faċli li tintrikeb u taħseb li d-dinja ser taqa’ u tinżel fuqek iżda hemm bżonn li l-koppja tifhem aktar lil xulxin speċjalment f’dan iż-żmien delikat. Hu essenzjali li ż-żewġ partners ikunu involuti fit-trobbija ta’ wliedhom b’mod speċjali meta tiġi biex tieħu ħsieb it-tarbija. Hu
għaqli wkoll li l-ġenituri jkollhom ħin adekwat ta’ mistrieħ sabiex ikunu jistgħu jirrilassaw ftit għax il-kbir ikun għadu ġej! Dan hu żmien eċċellenti sabiex toħloq relazzjoni u bond mat-tarbija.
Iċ-Child Care Centres miftuħin millġdid!
Il-pandemija tal-Covid-19 ġabet ftit stress fuq il-ġenituri li xtaqu jkomplu jaħdmu. Biċ-child care centres magħluqin, ftit kien hemm opportunità sabiex iż-żewġ ġenituri jkomplu x-xogħol tagħhom. Issa li reġgħu miftuħin jistgħu jkunu ta’ soluzzjoni tajba għall-ġenituri biex iserrħu rashom li t-tarbija tagħhom tkun qiegħda mħarsa b’mod sigur. Jeżistu reazzjonijiet imħallta meta niġu għal dawn iċ-ċentri. Xi ġenituri huma xettiċi li jħallu t-tarbija tagħhom ma’ xi ħadd li ma jafuhx, għalhekk huwa tajjeb li wieħed jagħmel il-homework tajjeb u jqis kollox qabel jieħu deċiżjoni.
Dawn in-nies huma professjonisti u jkollhom snin ta’ esperjenza fil-qasam tat-trobbija tattrabi. Li tħalli lit-tarbija tiegħek fiċ-child care mhux għażla iżda neċessità għal ħafna koppji. F’Malta ninsabu ffurtunati li għandna diversi ċentri tat-tfal imqassmin mal-gżira kollha. Dan jagħmilha aktar faċli sabiex iż-żewġ ġenituri jibqgħu jaħdmu.
M’hemm xejn isbaħ milli jkollok membru ġdid fil-familja. Il-familjari jridu jifhmu u jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-ġenituri u jħalluhom jesperimentaw. Ma jkunx għaqli li jkun hemm indħil għax jaf ikisser u mhux jgħin lill-koppja. Il-ġenituri l-ġodda ser ikollhom bosta okkażjonijiet fejn ser jitgħallmu mill-iżbalji li għamlu. Tajjeb li wieħed jitkellem u jaqsam l-esperjenzi ma’ xulxin. Hawn diversi gruppi li wieħed jista’ jattendi sabiex ma jħossux waħdu.
F’isem GWIDA nawguraw lill-ġenituri kollha li għadhom kemm kellhom tarbija! Minn qalbna nawguraw ukoll lil dawk li għadhom jistennew! Awguri.