Editorjal
MERĦBA LIT-TRABI CARA, ĊIKKA, LUIGI, ANDREAS, LENNY... IMMA X’QED IĦOSSU? Din is-sena bdejnieha bl-aħbar sabiħa mingħand l-influencer Danita Camilleri li ħabbret li kellha l-ewwel tarbija, Lenny. Daniel tad-Danusan kellu lil Cara eżatt qabel bdiet il-pandemija. Il-kantant Victorio Gauci sar missier għat-tielet darba u kellu lil Luigi. Il-kantanta Eleanor Cassar welldet lil Andreas, u Sean Buhagiar, id-direttur artistiku, sar ġenitur ta’ tarbija li semmieha Ċikka! L-irwol ta’ missier u omm mhux faċli, speċjalment jekk tkun sirt ġenitur għall-ewwel darba. Missjoni li bħalma ddeskrivieha tajjeb Ben Camille, “Tal-biża’ imma l-isbaħ ħaġa possibbli”. Fi ftit xhur trid tipprepara ruħek għal bidla drastika, sakemm fl-aħħar tilqa’ f’darek it-tarbija l-ġdida. Kulħadd bl-istess kelma li xħin terfa’ lit-tarbija għall-ewwel darba, tinsa l-istress li tkun għaddejt minnu u tibda tgħix. Tirrealizza li dik it-tarbija hija parti minnek. Esperjenza maġika u unika għal kull ġenitur. Kull ġenitur isemmi wkoll kif inqalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq bi sfidi ġodda ta’ kuljum. Huwa komuni li ġenituri fl-ewwel ftit xhur jesperjenzaw biżgħat u ansjetà. Dawn jistgħu jintrebħu biss billi wieħed jippjana sew, jaqsam l-esperjenzi mal-oħrajn u jitgħallem fuq x’inhu l-aħjar għat-tarbija. Żomm djarju u ikteb kollox! Kemm hu sabiħ li timmarka l-avvenimenti l-kbar tat-tfal tiegħek. Dawn huma memorji li ser tibqa’ tgħożż għal ħajtek. Meta wieħed iħares lura fuq it-tfal tiegħu jibqa’ impressjonat kemm-il ħin tar malajr. Forsi bi djarju tkun tista’ tiftakar l-ewwel tbissima, l-ewwel kelma, l-ewwel sinna! Jekk taf tieħu filmat tant l-aħjar, ħalli meta t-tarbija tikber tkun tista’ turiha l-iżvilupp tagħha. Għalkemm mhux kulħadd jiżviluppa bl-istess mod, wieħed jista’ jżomm f’rasu dawn il-punti dwar
x’għandek tistenna fl-iżvilupp tat-tarbija tiegħek, bħala gwida. Bejn xahar u xahrejn it-tarbija tibda titbissem, taqbad oġġetti fil-viċinanzi tagħha u tiftaħ u tagħlaq idejha. Fix-xahrejn ta’ wara hu mistenni li tara t-tarbija tidħaq, tlablab, titgħallem toqgħod bilqiegħda u ddur fuq ġenbha. Fil-ħames u s-sitt xahar, it-tarbija titgħallem timxi mbeqq u tirrispondi għallkliem familjari, kif ukoll iċċapċap. Fis-seba’ u t-tmien xahar, mistenni li tgħid l-ewwel kliem tagħha filwaqt li hemm imnejn li titgħallem toqgħod bilwieqfa. Fid-disa’ u l-għaxar xahar ser tibda tesplora u turi interess f’affarijiet ta’ madwarha. Flaħħar xahrejn tal-ewwel sena t-tarbija tagħmel l-ewwel passi u turi bidla sħiħa fl-emozzjonijiet tagħha. Kif iżżommha t-tarbija? Trid tkun preċiż u tuża delikatezza liema bħalha meta terfa’ tarbija ċkejkna. Tarahom wisq fraġli f’għajnejk. L-ewwel regola importanti hi li tassigura li jdejk huma nodfa! Issa drajt taħsel idejk ta’ spiss u f’dan il-kas hu importantissimu. Aħsel u ogħrok idejk sewwa għal għoxrin sekonda taħt l-ilma bissapun qabel taqbad lit-tarbija. Tinsiex li t-tarbija tkun għadha qed tibni l-immunità tagħha. Sal-ewwel ftit xhur din tkun għadha vulnerabbli u tista’ tintlaqat minn xi infezzjoni jew germs. Hu importanti wkoll li min jerfa’ t-tarbija jara li rasha jkollha sapport tajjeb għax il-muskoli ta’ għonqha jkunu wisq debboli biex jissapportjaw il-piż tagħha. Kif ser naħsel dawk il-ħwejjeġ? Ġenituri li għadhom kemm kellhom tarbija tista’ tagħraf id-dar tagħhom malajr għax ikollhom bejt ħwejjeġ. Mhux sigriet li t-trabi jkollhom bżonn diversi tibdiliet matul il-ġurnata għaliex jitħammġu malajr. It-trabi speċjalment tkun trid tbiddlilhom bejn kull sagħtejn u tliet sigħat għax il-ħarqa jekk tkun mimlija taf tagħmel ħsara l-ġilda u jaf jiżviluppa raxx. Meta t-tarbija tibda tikber ma jkunx hemm bżonn li tiċċekkja l-ħarqa daqshekk frekwenti. Tibda tinnota t-tarbija qed torqod għal ammont twil filgħaxija u m’hemmx bżonn ittellfilha n-nagħsa!
GWIDA Awwissu 2020 55