6 minute read
Pierre Cordina – Il-preżentatur ta’ BAY Radio ser isir missier dan ix-xahar
from GWIDA JUNE 2021
PIERRE CORDINA
Il-preżentatur ta’ BAY Radio ser isir missier dan ix-xahar
Advertisement
Fix-xahar iddedikat lill-missirijiet, ser inlaqqgħukom malpreżentatur tar-radju, Pierre Cordina. Pierre jippreżenta programm ta’ waranofsinhar (drivetime) ma’ Taryn Mamo Cefai fuq BAY Radio. Proprju f’Jum il-Mara, Pierre ħabbar li kien qed jistenna tarbija mal-maħbuba tiegħu Rebecca. Tkellimna ftit ma’ Pierre u skoprejna aktar dwar din ilkoppja u t-tarbija tagħhom!
Kif iltqajt ma’ Rebecca?
Iltqajna fil-bidu tal-pandemija! Dak iż-żmien ħajti nbidlet, filli kien ikolli avveniment kuljum fejn indoqq u filli xejn. Spiċċajt biex inqtajt min-nies, u peress li ma kontx qed noħroġ ma kontx niltaqa’ ma’ tfajliet lanqas. Dak iż-żmien ma kontx qed infittex relazzjoni għalkemm ikolli nistqarr li qatt ma xtaqt li nibqa’ waħdi.
Darba minnhom xi ħbieb komuni laqqgħuna flimkien u sirna nafu lil xulxin. Niftakar ċar, kien il-Ħadd u kienet qaltli li sejra tagħmel xirja. Pront jien stedintha biex tiġi tiekol għandi għax kelli l-ikel lest. Kont sajjart tiġieġa u jien imdorri naħseb għal ħafna. Rebecca ġiet u għoġobha ħafna l-ikel tiegħi! Minn hemm bdejna niltaqgħu.
F’Ottubru tas-sena l-oħra qaltli li konna qed nistennew tarbija! Għall-ewwel kienet xokk għalija, imbagħad għaraft li dan don kbir minn Alla. Jien qed nikber issa u minn dejjem xtaqt li nsir missier. It-tnejn ħadna gost b’din l-aħbar u bħalissa qed nippreparaw ruħna biex inkunu l-aqwa ġenituri possibbli.
X’għedt meta sirt taf li ser issir missier?
Xokk qawwi! Dak it-tip għedt, din possibbli? Xtaqnieha t-tnejn li aħna għax mill-ewwel tkellimna fuq it-tfal. Ta’ 43 sena trid tiddeċiedi; jew issa jew qatt! Kif għedtlek kien xokk qawwi imma wara ftit sigħat rajna li kien don kbir u bdejna nagħmlu l-kuraġġ biex ingawdu l-mument.
Ritratti: Rene Rossignaud
Kemm jista’ jkun qed inżomm lil Rebecca kuntenta f’kollox. Ovvjament ħajjitha nbidlet! Ħajti pjuttost baqgħet kif kienet, naħdem kont u naħdem bqajt. Imma hi differenti, hawn tapprezza l-mara u kemm huma speċjali n-nisa! Li jkollok persuna oħra f’ġismek mhux daqshekk faċli. Għandna ġenn sakemm titwieled it-tifla u tkun fi ħdanna.
Għall-bidu ħsibtu li tifel?
Hekk hu! Meta morna għat-testijiet, tawna indikazzjoni li kien ser ikollna tifel. Rebecca kien għad kellha xahrejn tqala. Konna sibna l-isem u qbilna fuqu! Avżajna lil kulħadd li kien ser ikollna tifel! Imma wara li għaddew tliet xhur u erġajna morna għall-vista qalilna li ser ikollna tifla u mhux tifel! Bqajna skantati u rġajna ħsibna fuq isem ieħor. Imma l-istorja tibda tikkumplika ruħha hekk kif morna għall-vista oħra u qalulna li kien tifel!
Imma għadkom s’issa ma tafux jekk hux tifla jew tifel?
Le issa nafu li tifla! Biddilna l-gynae u kkonfermalna li żgur tifla! Kuntenti ħafna u ma kinitx ser tagħmel differenza għalina. Imma issa kull darba li mmorru ngħidulu, “żgur tifla?” u saret qisha ċ-ċajta tagħna.
Issa ddeċidejtu fuq l-isem?
Fuq isem ta’ tifel qbilna mill-ewwel, imma ta’ tifla għadna s’issa ma nafux! Jien indum ftit biex togħġobni xi ħaġa. Min jaf forsi niltaqgħu ma’ xi ħaġa li vera togħġobna u ngħidu dak hu! Fl-aħħar mill-aħħar kull isem sabiħ.
Għal meta qed tistennew li titwieled?
Jekk Alla jrid għall-aħħar ta’ Ġunju nsir missier! Malta tilqa’ t-turisti u aħna nilqgħu t-tarbija tagħna. Ħerqanin it-tnejn li aħna biex insiru ġenituri. Xi ħaġa li t-tnejn li aħna vera xtaqna u li fl-aħħar saret realtà.
Kif għedtilhom lil tad-dar bl-aħbar tat-tarbija l-ġdida?
Jien ġej minn familja konservattiva, allura kelli nsib ilmument opportun biex naqsam din l-aħbar magħhom. Il-fatt li ma kontx miżżewweġ, ħsibt li kienet ser taffettwahom. Biss meta għedtilhom ħadu pjaċir! Lil Rebecca jirrispettawha u jħobbuha ħafna. Ommi tgħidx kemm hi ħerqana li ħa ssir nanna! Min-naħa l-oħra Rebecca bagħtet ritratt tal-pregnancy test fuq il-grupp ta’ Whatsapp tal-familja tagħhom u t-telefown ma waqafx idoqq!
Kif inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ missierek?
Tajba ħafna! Missieri hu tip li jippanikja ħafna, kien jaħdem l-emerġenza u hemm iltaqa’ mar-realtà talħajja, b’hekk nipprova ngħidlu affarijiet pożittivi biss. Meta jkun jaf li għandi xogħol billejl jinkwieta mhux ftit għalija. Imma meta niltaqgħu, l-hena tagħna nitkellmu fuq kollox! Ikollna ħafna battibekki u niġġieldu fuq xi ideat. Missieri issa għandu 77 sena u jien dejjem kont xi ftit aktar avventuruż fl-għażliet tal-karriera tiegħi. Trid tara xħin għedtlu li ħa nibda naħdem ta’ DJ, xejn ma kien ħa gost. Dak iż-żmien hu kien jgħallem Nursing l-Università u l-istudenti kienu jgħidulu bija. Minn hemm għaraf li kont qed nagħmel biċċa xogħol tajba.
Ovvjament ix-xogħol ta’ DJ naqaslek ħafna minħabba l-pandemija. Kif inbidlitlek ħajtek?
Il-Covid biddlitilna ħajjitna drastikament! Qabel kont naħdem ħafna fil-weekends, issa naħdem ħafna matul il-ġimgħa u fil-weekends id-dar nara t-televiżjoni. Almenu issa qed ingawdi l-ħajja aktar minn qatt qabel. Il-flus mhux kollox fil-ħajja!
La tgħaddi l-pandemija, terġa’ tmur lura għal li kont tagħmel?
Ejja ngħidu li ma tantx għandi għażla li mmur lura! Għandi ħafna avvenimenti li tħassruli u ġew posposti għas-sena d-dieħla bit-tama li jsiru. Ħafna mill-għarajjes
ikunu jixtiequ lili biex indoqqilhom u kien hemm min biddel id-data tat-tieġ għax għedtilhom li ma nistax. Bejn wieħed u ieħor s’issa diġà għandi sebgħin tieġ jistennieni! Imma din grazzja għax ngħiduha kif inhi, meta tkun qed tistenna tarbija jkollok bżonn issostniha.
Għaliex taħseb li jkunu jridu lilek?
Kull tieġ li jkolli dejjem nagħmlu daqslikieku kien tiegħi! Nagħmel minn kollox biex nara n-nies qed jieħdu pjaċir, speċjalment il-koppja. Meta nara l-għarajjes kuntenti, għalija dak sodisfazzjon kbir! Meta jkollok tieġ ta’ 400 ruħ u jkun kollu f’idejk, tħoss ftit responsabbiltà, allura noqgħod attent biex nagħti l-aħjar li nista’. Dak il-ħin nintilef f’dinja għalija u ma nixrob xejn ħlief ilma ħa jżommni kkonċentrat! Nieħu gost ħafna nagħmlu dan ix-xogħol u l-akbar sodisfazzjon tiegħi hu li fl-aħħar jgħiduli kemm ħadu gost.
Imma int apparti li DJ, taħdem bħala accountant. Żewġ karrieri li ftit li xejn imorru flimkien. Kif tikkombina t-tnejn li huma?
Jien narahom jaqblu ħafna u wieħed jgħin lill-ieħor! Filprofessjoni tiegħi bħala accountant niltaqa’ ma’ ħafna nies minn kumpaniji varji. Meta tkun sejjer tiltaqa’ ma’ xi ħadd l-ewwel darba mill-ewwel jagħrfuk u jibdew jitkellmu miegħek. Fil-bidu tal-karriera tiegħi bħala accountant kont inbati ftit minħabba li jkollok avveniment filgħaxija u l-għada trid tqum taħdem. Kien għalhekk li ddeċidejt li niftaħ għal rasi. Hekk nista’ nibbilanċja l-avvenimenti u x-xogħol.
Jien mindu bdejt is-6th form bdejt naħdem bħala DJ. Illum għandi 43, jiġifieri ilni 27 sena issa; dejjem rajt kif insib bilanċ bejn ix-xogħol tal-accounts u DJ. B’xi mod jew ieħor, qed taħdimli!
Tagħti parir kieku bintek tgħidlek li tixtieq tmur għal DJ?
Għaliex le? Il-karriera ta’ DJ hija karriera tajba ħafna, għalkemm għandha ftit stigma warajha għax jaħsbuk xi wieħed imħawwad, però bħal kollox fiha s-sabiħ u t-tajjeb tagħha.
Issa ilek 4 snin taħdem ma’ BAY – liema kienu l-isbaħ mumenti?
11-il sena ilu hemm kont naħdem ukoll! Fil-fatt hemm bdejt il-karriera tiegħi fuq ir-radju u rġajt spiċċajt hemm nagħmel id-drive time li hu sodifazzjon kbir! Kien hemm ħafna mumenti sbieħ li nibqa’ niftakar u ngħożż għal dejjem. Peress li hu l-aktar stazzjon tar-radju popolari tħossok dejjem fuq il-hot seat u trid toqgħod attent x’tagħmel u tgħid!
Qabel il-Covid, konna norganizzaw ħafna maratoni u konna nxandru minn bnadi differenti. Intervistajt lillkantanta Emma Muscat f’xandira diretta mill-Belt Valletta waqt programm ta’ karità. Konna ħdimna b’żewġ studios differenti fl-istess ħin u kien avveniment li ma ninsa qatt.
Apparti li kuljum tisma’ vuċijiet differenti u tiltaqa’ ma’ ħafna nies li qed jagħmlu tant ġieħ lil Malta bil-vuċijiet tagħhom!
X’ser tkun l-ewwel kanzunetta li ħa tiddedika lit-tifla tiegħek?
Fix-xena tal-mużika, kull ġimgħa naraw madwar 20 kanzunetta ġdida! Allura ser nagħżel waħda li hi klassika u meta nismagħha timmotivani. Din tmur lura għas-snin 80, One Moment In Time ta’ Whitney Houston. Għażiltha għax fil-ħajja biex ikollok mument, mument kbir li tkun ilek taħdem għalih ħafna u fl-aħħar wara ħafna sagrifiċċju jasal. Din il-kanzunetta dejjem kienet tfisser xi ħaġa kbira għalija. Kull darba li nismagħha ninnota kemm għandha lirika mill-isbaħ! Għalhekk xħin titwieled żgur lilha nagħżel jew xi verżjoni tagħha ftit aktar moderna.