4 minute read

Illaħwa x’dar għandek

It-temp dalwaqt jibda jiksaħ u x-xita daqt ma tħallilek ebda pjan ħlief li tibqa’ d-dar! Ngħiduha kif inhi, bilpandemija ma’ saqajna ma tantx jifdlilna ħafna fejn immorru. Għalhekk, issa ċ-ċans li tinvesti aktar f’darek, ħalli jkollok dik id-dar li dejjem xtaqt u immaġinajt. Kulma trid, ftit ideat biex tkompli ssebbaħ darek u jkollok dar li kull min jidħol fiha jibqa’ mistagħġeb bil-ġmiel.

Iddeċidejt li tibdel xi affarijiet mill-kċina u l-kamra talbanju? Forsi għandek bżonn aktar spazju jew l-affarijiet m’għadhomx jogħġbuk? Mela iftaħ għajnejk sew għal dawn is-suġġerimenti. Hi x’inhi r-raġuni li ser tibdel xi ħaġa, issa hu l-ħin opportun sabiex tagħmel il-qalb u tirranġa. Fost l-aktar żewġt ikmamar importanti fid-dar insibu l-kċina u l-kamra tal-banju. Huma dawn iż-żewġt ikmamar li ddaħħal il-mistednin fihom, u huma dawn ilkmamar ukoll li tieħu qatgħa meta jiġri xi ħaġa fihom.

Advertisement

Huma ħafna n-nies li jaqbdu ma’ dawn iż-żewġt ikmamar u jibdlu xi ħaġa fihom kull tant żmien, u meta tibdel xi ħaġa tqum il-flus. Meta tinvesti tkun tixtieq li tagħmel dan għal tul ta’ żmien u jkollok xi ħaġa li tibqagħlek. B’hekk għandek dejjem tkun aġġornat fuq l-aħħar trends li huma popolari fis-suq bħalissa. Ħadd ma jkun irid li xi kamra titqies bħala antika wara ftit snin. M’hemmx għalfejn li dejjem timxi mal-moda iżda l-aktar parir siewi li xi ħadd jista’ jagħtik hu; kun af l-istili kollha ħalli wara ma jiddispjaċikx. Wara kollox għandek tibdel xi ħaġa mhux għan-nies imma għalik stess. Disinjatur tad-dar ser jgħinek tieħu dawk id-deċiżjonijiet importanti fid-dar tiegħek li jagħmlu il-kmamar klassiċi u mingħajr klessida ta’ ħin.

Il-Kċina – Stili, kuluri, materjal u teknoloġija!

Illum il-ġurnata l-kċejjen huma postijiet fejn isiru ħafna attivitajiet bħal ikliet u rilassament, jew fejn it-tfal jagħmlu l-homework jew sempliċi post fejn tara xi logħba futbol. Peress li l-kċina spiss hija open plan, saret titqies bħala kamra ċentrali, kbira u fuq quddiem nett tad-dar. Ħafna jemmnu li l-istil tal-kċina għandu jkun imħallat bejn elementi tradizzjonali u oħrajn moderni. Fuq il-kuluri ħafna huma dawk li qed jagħżlu kuluri vivaċi milli sempliċi abjad għall-kċina. Peress li ħafna ħin qed inqattgħuh f’dan il-post, hu importanti li nintroduċu kuluri ċari li joffru rilassament u trankwilità. L-aktar kuluri popolari huma l-griż ċar u l-blu ċar, filwaqt li kulur bħal mushroom qed jintuża minflok l-abjad.

Għall-wiċċ tal-ispazju fejn issajjar jew ta’ ħdejn is-sink qed jintgħażel il-porċellana li jidher bħall-irħam iżda ma jtebbagħlekx daqsu. Ħafna esperti jsostnu li l-porċellana qed taqbeż fil-popolarità l-quartz minħabba t-tariffi

taċ-Ċina. Apparti mill-ispiża, dan il-materjal hu faċli biex jitnaddaf u addattat ħafna għall-kċejjen bi stil modern u dawk tradizzjonali.

Is-sink għandu ħafna aktar użu minn sempliċi post tal-ħasil tal-platti, anzi qed iservi bħala post fejn tqatta’ l-ħxejjex, iddewweb xi ħaġa mill-friża, jew post biex tnixxef. Għas-sink, ħafna qed jagħżlu r-ram bħala materjal jew inkella wiċċ iswed matt. Meta niġu għall-art, ħafna qed jagħżlu l-injam sabiex toħloq kontinwità mal-living area meta din tkun tal-injam ukoll.

It-teknoloġija qed tkompli tiddomina f’kollox! Anke fil-kċina qed insibu appliances komdi li jiffaċilitawlek ħajtek. Li jkollok l-appliances smart, jiġifieri jkunu mqabbdin mal-internet, huma affarijiet li jgħinuk, għal min jaf jużahom. Eżempju xi fran għandhom kamera fihom li tagħraf l-ikel x’inhu u b’hekk il-forn ikun jista’ jissettja t-temperatura skont l-ikel. Il-friġġis issa qed ikollhom skrin li jista’ jurik l-aġenda tal-ġurnata, ifakkrek jekk hemmx xi prodotti li jistgħu jiskadu, u kemm ilhom xi prodotti hemm ġew. Iżda mhux fil-kċina biss daħlet it-teknoloġija – anke fil-kamra tal-banju!

Kamra tal-banju

Illum il-ġurnata tista’ ssib – anke f’Malta stess – toilet li tħaddmu bil-mobile. Liema toilet tista’ tirregolah kif jista’ jaħdem minn sempliċi buttuna u jista’ jaħsillek il-warrani wkoll? Anke d-doċċa, mill-kumdità tas-sodda tista’ tagħżel ittemperatura li tixtieq tinħasel fiha. X’jonqos jivvintaw? Ħafna nies qed jagħżlu li jmorru lil hinn mill-idea li l-kamra tal-banju qiegħda hemm għal 5 minuti biss, iżda aktar lejn kamra li fiha

ssib is-serħan. Disinjaturi madwar id-dinja qed isejħulu spa feeling fejn l-individwu tant iħossu rilassat li jaħseb li qiegħed fi spa.

Qed jiġu aktar moda l-banjijiet wara li dawn għosfru mid-djar. Jista’ jkun li l-individwu jippreferi xower minn banju iżda banju huwa fih inniffsu arkitettura sabiħa ħafna. Jekk xorta tippreferi x-xower, ħafna issa qed jagħżlu li jagħmluha ikbar, billi jagħmluha tkompli malart u mingħajr xkiel bejn id-doċċa u l-art. Dan jagħmilha aktar faċli biex timxi u ma teħodhiex għal wiċċek. Id-drain imbagħad ikun qisu camouflaged mal-art, bl-art tkun ixxaqleb għalih. Meta niġu għall-madum tal-kamra talbanju ħafna qed jagħżlu madum kbir u dan jista’ jkun għax dan it-tip ta’ madum jidher aktar nadif u għandu inqas linji ta’ grouting. Ħafna xebgħu jaħslu u joborxu l-linji talgrouting minn mal-madum.

Interessanti l-fatt ukoll li l-vanity qed jagħmluha taħt is-sink, ’il fuq mill-art u mingħajr bibien. Apparti li tkun pulita, toffri element ta’ gost. Fuq il-vanity l-aktar wiċċ popolari huwa l-quartz għalkemm l-istess fil-każ tal-kċina, il-porċellana jidher li qed tkabbar il-popolarità tiegħu. Is-sink ħafna qed jagħżlu li jagħmluh kwadru minflok tond, biex ikun jaqbel mal-istil tal-kamra.

Nisperaw li dawn l-ideat kienu ta’ għajnuna għalik sabiex issebbaħ darek. Hemm ħafna affarijiet li ma semmejniex li qed iqajmu ħafna interess, bħall-użu varjat tal-gypsum. Uħud qed jagħżlu li jagħmlu installazzjoni tad-dawl kif iridu huma permezz tal-gypsum li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed isir popolari. Allura ħajjarnik biex tibdel xi ħaġa fid-dar tiegħek?

This article is from: