Editorjal
IT-TRAFFIKAR UMAN HUWA FORMA TA’ SKJAVITÙ MODERN Kulħadd jista’ jkun vittma tat-traffikar uman, it-traffikar ma jiddiskriminax It-traffikar uman huwa terminu li ħafna minna semgħu bih, nafu li huwa ħażin, nafu li jeżisti, iżda nsibu ruħna nistaqsu, x’inhu t-traffikar uman? Fi kliem sempliċi, it-traffikar uman huwa forma ta’ skjavitù modern. Huwa att kriminali li jaffettwa bnedmin ta’ kull età, ta’ kull sess u ta’ kull nazzjon, li jġiegħel lill-vittmi jaħdmu għal sigħat twal, taħt kundizzjonijiet ħżiena u inumana, kontra r-rieda tagħhom. It-traffikanti tal-bnedmin, jużaw tattiċi ta’ iżolament, manipulazzjoni, u persważjoni biex jittraffikaw u jikkontrollaw lill-vittmi tagħhom. It-traffikanti jagħtu lill-persuni tama falza billi joffrulhom impjieg ideali u opportunitajiet mill-aktar vantaġġjużi. Waqt li fil-verità, il-motiv tagħhom huwa li jisfruttawhom għall-gwadann personali tagħhom. Dan l-att kriminali, jiġi f’diversi forom, fosthom it-traffikar tax-xogħol, it-traffikar tas-sess, servitù domestiku, ittraffikar ta’ tfal u t-tneħħija tal-organi. Il-forom ta’ traffikar jinstabu f’oqsma diversi u t-teknoloġija tipprovdi wkoll tattiċi ġodda li jistgħu jiġu sfruttati għal dan il-għan. Infatti, it-traffikar huwa preżenti f’bosta industriji, bħal siti ta’ kostruzzjoni, massage parlours , lukandi, u saħansitra djar privati. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-reat huwa kumpless, it-traffikar uman jiġri kullimkien, barra fl-apert kif ukoll f’postijiet aktar moħbija. Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, jista’ jkun li niltaqgħu ma’ vittmi tat-traffikar, waqt li noħorġu nixtru, waqt li nsuqu għaxxogħol, waqt li noħorġu nieklu barra, waqt li nkunu qegħdin
70 GWIDA Lulju 2021
nużaw l-internet. Ejjew naħsbu ftit, ħaddiem ta’ kostruzzjoni li jidher li qiegħed jaħdem f’ambjent perikoluż, jista’ jkun li dan huwa vittma? U min qiegħed inaddaf f’ lukanda lussuża, li jidher li qiegħed ibati, jista’ wkoll ikun vittma ta’ traffikar? Kif qegħdin naraw, kulħadd jista’ jkun vittma tat-traffikar tal-bnedmin. It-traffikar ma jiddiskriminax. Il-vittmi jgħaddu minn esperjenzi trawmatiċi, u aħna bħala Fondazzjoni għall-Ħarsien u s-Servizzi Soċjali (FSWS), qegħdin hawn biex noffru appoġġ lill-vittmi tat-traffikar uman. FSWS nediet proġett mill-Unjoni Ewropea ffinanzjat mill-AMIF (Asylum, Migrantion and Integration Funds) bl-isem ta’ All Equal Supporting Victims of Human Trafficking. L-għan ta’ dan il-proġett hu li nappoġġjaw lill-vittmi biex jibdew ħajja ġdida, isibu l-istabiltà li jistħoqqilhom, kif ukoll appoġġ għal impjieg u akkomodazzjoni xierqa għalihom. L-għan tagħna huwa li nagħtuhom l-għodda adattata biex isiru indipendenti. Ilkoll għandna rwol li nagħmlu differenza. Nistgħu nirrappurtaw kwalunkwe suspett lill-Pulizija,jew fuq issupportline 179. Dan in-numru jista’ jintuża wkoll minn vittmi tat-traffikar biex jitolbu għall- għajnuna u joħorġu mis-sitwazzjoni t’ abbuż. Jekk naħdmu flimkien kollox għandu bidu u tmiem, inkluż it-traffikar uman. Miktub minn Stefan Borg, Social Welfare Professional, FSWS