Editorjal
XI NGĦID FUQ L-GĦID?
Dak li nagħmel jien fl-Għid! Sa minn mindu kont żgħir, fid-dar narmaw żewġ tipi ta’ siġar, dik tal-Milied li kienet tkun dejjem fir-rokna talentratura tad-dar; siġra bajda bil-boċċi kkuluriti u dawl iteptep waqt il-mużika stunata ħierġa mill-magna żgħira. Imbagħad ikollna wkoll siġra oħra li narmawha eżatt xħin Ġesù jqum mill-mewt. Niftakar Sibt il-Għid qabel immorru l-quddies konna nidħlu fl-għalqa li għandna u naqtgħu biċċa zokk irqiq b’ħafna fergħat. Dan imbagħad ingeżwruh ġo vażun biex iżomm sod. Miegħu konna ndendlu flieles żgħar, bajd ikkulurit, messaġġi tal-Bibbja u meta konna niġu mill-quddies ta’ Sibt il-Għid konna ndendlu lil Ġesù Rxoxt fuq is-siġra. Dan minflok it-tree topper tas-siġra tal-Milied. Dejjem hekk, dik hija t-tradizzjoni tagħna fl-Għid. Imma żomm, din is-siġra kienet bħal tal-Milied eżatt ta, jiġifieri kellha r-rigali wkoll! Kull sena (anke issa li kbirt) nkun qed nistenna l-bajda tal-Għid. Meta kont żgħir kienet tkun dejjem l-istess, ċikkulata bajda b’xi ġugarell imdeffes fiha. “Ara tmisshom” kienet tgħidli ommi, għax tajjeb li nistqarr magħkom li jien daqsxejn wikkiel fejn jidħol il-ħelu. Kont naqla’ bajda m’għand ommi, m’għand iż-żewġ nanniet u forsi oħra m’għand iz-zija meta kienet tiftakar. Għajnejja kienu jixegħlu xħin kont naqla’ bajda tal-Għid, kont nagħmel erbgħin jum bla ħelu allura tista’ tobsor l-għatx li kien ikolli għaċ-ċikkulata. Erbgħin jum mingħajr ħelu! Din kbira e, u trid tqis li f’dan iż-żmien ikolli żewġ birthdays x’niċċelebra, dak ta’ oħti u ta’ missieri! Għal dawn kont nagħmel patt ma’ Ġesù, biex jagħtini permess niekol biċċa kejk u ta’ dan ma
kontx niekol ħelu l-Ħadd! Għax tajjeb li ngħidu li l-Ħdud ma għandhomx jitqiesu mal-parti tal-erbgħin jum! (Din mhux mill-ewwel skoprejtha imma meta skoprejtha kont ħadt ir-ruħ). Issa li kbirt u żżewwiġt, il-bajda nkun irridha xorta waħda! Imma mhux ser nikkuntenta b’bajda komuni tafux! Anzi aktar kemm tkun differenti, aktar kemm tkun oriġinali, aktar nieħu gost. Issa din il-problema waqgħet f’idejn il-mara li ta’ kull sena jkollha tagħmel ir-riċerka tagħha sabiex issibli bajda aktar oriġinali minn tas-sena ta’ qabel. Darba kienet ċikkulata bajda u pistaċċa, il-paċenzja kemm kienet tajba! Darb’oħra xtratli waħda ċikkulata tal-ħalib bil-gallettini favoriti tiegħi! Issa tal-erbgħin jum m’għadnix niflaħ nagħmilha, naraha wisq kattiverja li ma niħux imqar ċikkulata waħda. Apparti minn hekk, naħseb li billi tagħmel erbgħin jum ma tikolx ħelu, ma tkunx qed tgħix il-veru sens tar-Randan. Dik forsi tajba għal meta tkun żgħir fejn ma tifhimx l-affarijiet kif imorru. Meta tikber tinduna li jekk tigdem ilsienek u ma tgħidx affarijiet mhux xierqa, tgħid xi talba mal-familja, tħeġġeġ lil ta’ madwarek biex jgħixu ħajja tajba... hekk tkun aktar Nisrani. Apparti minn hekk inħobb li f’dawn iż-żminijiet nattendi xi eżerċizzi li jkunu qed isiru fil-parroċċi. Is-sena l-oħra minħabba l-pandemija, ħafna saru online u vera ħadna pjaċir fuq is-sufan nisimgħu u naraw l-eżerċizzi minn qassisin differenti. Vera titgħallem xi ħaġa ġdida kull sena u nħossni li qed ngħix il-veru sens tar-Randan. GWIDA Marzu 2021
51