36
Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli
Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Toronto, Mons. Ivan Camilleri. Iben wild il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli Nhar it-28 ta’ Novembru 2020, il-Papa Franġisku nnomina lil Dun Ivan Camilleri bħala Isqof Awżiljarju ta’ Toronto fil-Kanada u Isqof Titulari ta’ Teglata fin-Numidia. Il-parroċċa ta’ ĦadDingli laqgħet bil-ferħ din l-aħbar billi missier l-Isqof, Benjamin, hu iben ir-raħal tagħna fejn għex sakemm iżżewweġ u mar joqgħod Tas-Sliema. Il-familja Camilleri emigrat lejn il-Kanada fl-1980. Monsinjur Ivan Camilleri għandu 52 sena, ġie ordnat saċerdot nhar it-12 ta’ Mejju 2007, u isqof nhar il-25 ta’ Jannar 2021, festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl. Hu wieħed minn erba’ Isqfijiet Awżiljarji tal-Arċidjoċesi ta’ Toronto li jassistu lill-Kardinal Thomas Collins. Il-Bord Editorjali jirringrazzja lill-Isqof Camilleri li aċċetta jikteb messaġġ għal din il-pubblikazzjoni.
Apprezzajt ħafna l-istedina biex nibgħatilkom messaġġ minn Toronto, il-Kanada, fejn bħalissa qiegħed nassisti lill-Kardinal Thomas Collins bħala wieħed minn erba’ Isqfijiet Awżiljarji tiegħu. Nixtieq nifirħilkom għal dan iż-żmien fejn qegħdin tiċċelebraw il-festa parrokkjali tagħkom. Għaddew ftit tas-snin mill-aħħar darba li żort ’l Ħad-Dingli, fejn twieled u trabba missieri Benjamin Camilleri, imma l-memorji sbieħ ta’ dan il-post jibqgħu dejjem qrib tiegħi. Niftakar li bħala tifel żgħir, fis-sebgħinijiet, ta’ kull sena kont niġi Ħad-Dingli mal-familja tiegħi f’Awwissu għall-festa parrokkjali. Hemmhekk kont niltaqa’ maz-zijiet u l-kuġini, kemm minn Ħad-Dingli kif ukoll minn partijiet oħra ta’ Malta. Minbarra l-esperjenza sabiħa ħafna tal-quddiesa, niftakar fil-purċissjoni bilvara ta’ Marija Assunta madwar t-toroq tar-raħal, imħallta max-xeni u l-irwejjaħ tal-logħob tan-nar u l-gabbani tal-ikel … ir-riħa tat-trikkitrakki, imqaret, hotdogs, u qubbajd, kollha għadhom stampati f’moħħi … dawk kienu żminijiet aktar innoċenti għalina lkoll!