40
Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli
Il-konservazzjoni u r-restawr tal-istatwa medjevali polikromatika ta’ San Ġwann il-Battista Nhar l-24 ta’ Ġunju 2021, solennità tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli ttellgħet serata li matulha ġie inawgurat il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr ta’ statwa ta’ Ġwanni l-Battista – patrimonju storiku u artistiku li nsibu fil-Knisja tagħna. L-ispejjeż għal dan il-proġett kienu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea. VALENTINA LUPO u MARIA GRAZIA ZENZANI, diretturi tal-kumpanija li ntgħażlet biex tagħmel dan ix-xogħol wara sejħa pubblika, jagħtu sfond storiku dwar l-istatwa, l-istat li kienet fih, l-istħarriġ li sar u l-proċess innifsu ta’ konservazzjoni u restawr. L-istatwa ttieħdet fil-faċilitajiet tal-kumpanija Atelier del Restauro nhar is-6 ta’ Settembru 2019 u damet hemmhekk madwar sena u nofs. Sfond storiku u ikonografija L-iskultura fl-injam ta’ San Ġwann il-Battista, li tmur lura għall-aħħar parti tal-Medjuevu, kienet tinsab fis-sagristija tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli. Hu maħsub li din l-istatwa nġiebet f’Malta fis-seklu sittax mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Professur Mario Buhagiar kien l-ewwel studjuż li ta l-importanza mistħoqqha lil din ilbiċċa xogħol tal-arti. Aktarx li din l-istatwa hija l-unika eżempju li fadal f’Malta ta’ skultura polikromatika fl-injam, li tinsab għaliha weħidha, mill-perjodu Gotiku tardiv. L-istatwa għandha d-daqs ta’ bniedem robust, proporzjonijiet tajbin u turi numru ta’ attribwiti anatomiċi u dettalji li jagħtuha ċerta kwalità artistika. Il-figura hija miksija bil-ġilda tal-annimal tad-deżert, probabilment ġemel, li hi mlibbsa bħal tunika madwar il-qadd b’ċinturin tal-ħabel. It-tinjiet jaqgħu fi pjiegi riġidi lejn il-wiċċ u d-dwiefer tal-annimal taddeżert. L-istil tagħhom jagħtihom sens ta’ disinn araldiku. Jista’ jkun li l-istatwa għandha rabta mal-Gran Caracca Sant’Anna (1522 – 1548), possibbilment bħala waħda mill-istatwi tal-kult li kienu jżejnu l-kappella tal-ġifen. Fl-1684, il-Pirjol tal-knisja konventwali, Frà Pierre Vianny, ta din l-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista flimkien ma’ statwa oħra mnaqqxa ta’ San Ġakbu lill-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Is-somma ta’ 6 tari kienet imniżżla filktieb tal-kontijiet tal-Grotta. Il-ħlas sar fit-8 ta’ Lulju 1684 lil żewġ irġiel li ġarrew dawn l-istatwi mill-Belt Valletta sal-grotta fir-Rabat. Ftit tas-snin wara, l-istatwi ġew trasferiti għall-knisja tal-parroċċa l-ġdida dedikata littlugħ fis-sema tal-Madonna, f’Ħad-Dingli. Mhux magħruf fejn tinsab u x’inhi l-istorja tal-istatwa ta’ San Ġakbu minħabba li ilha nieqsa minn ĦadDingli għal xi żmien. Matul is-snin, saru diversi interventi ta’ restawr lill-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista li iżda ma ġewx iddokumentati. F’intervent ewlieni, il-