Programm tal-Festa Ħad-Dingli 2021

Page 6

4

Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli

Messaġġ mill-Arċipriet

Biex tapprezza ż-żernieq, jeħtieġ li jidlam! Il-poeta nazzjonali Malti, Dun Karm Psaila, ħalla warajh wirt mill-isbaħ. Mhux qed nirreferi biss għall-Innu Malti, jew il-poeżiji tant sbieħ li għadna ngawdu fil-letteratura tagħna, iżda għad-diversi innijiet liturġiċi li mal-melodija sabiħa tagħhom jakkumpanjaw iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Fost dawn, wieħed jistà jsemmi l-innu li nkiteb għallKungress Ewkaristiku li sar f’Malta fl-1913, Nadurawk ja Ħobż tas-Sema, l-innu Marjan li nkantaw tul ix-xhar ta’ Mejju, Fil-Ħlewwa ta’ Mejju, u l-innu dedikat lill-Qalb ta’ Ġesù, Tina l-Ħlewwa. Hemm imbagħad żewġ innijiet, li fl-opinjoni tiegħi, huma mżewwġin flimkien: l-innu ta’ filgħodu, Reġa’ sebaħ ja Mulejja, u l-innu ta’ filgħaxija, Riesaq il-lejl Mulejja. Nammetti magħkom li l-innu ta’ filgħaxija, jaffaxxinani! Il-kliem tiegħu, miktub b’tant reqqa, ma jistgħux ma jwaħħdukx mal-awtur li jindirizza lill-Mulej u jitolbu b’dawn il-versi:

Inti li dejjem tgħammar fis-sebħ ta’ jum bla tmiem fid-dlam tal-lejl ħarisna, xerred ġo qlubna s-sliem.

Huma kliem li forsi nkantawhom mingħajr ma nifhmu s-seħer warajhom. Madanakollu, huma kliem li jġiegħluni nieqaf u naħseb: filwaqt li l-jum jintemm fi nżul ix-xemx sabiħ u hekk il-ħajja torqod, u kull ħoss imut fis-skiet, it-tama tagħna tkun li ma jdumx ma jerġa jżernaq! Huwa propju ż-żernieq li kull ħlejqa tistenna! Mhux l-ewwel darba li tistaqsi lil xi ħadd kif jinsab u jwieġbek “la qomna, tajjeb!” It-tama tagħna hija li naraw il-jum. Iżda ma nistà qatt napprezza s-sbuħija taż-żernieq jekk ma jidlamx! U dan ma ngħiduhx biss għaż-żernieq tal-jum, iżda għal mumenti diversi tal-ħajja tagħna. Ilkoll kemm aħna nesperjenzaw il-mumenti tad-dlam, u nittamaw li ma jdumx ma jżernaq! Ilkoll kemm aħna ngħaddu mill-iljieli twal u nixxenqu biex naraw id-dawl! Fl-2006 nħadem film bit-titlu The Pursuit of Happyness (le, m’hemmx żball fit-titlu!), li jitratta l-istorja ta’ Christopher Gardner, raġel Amerikan li kellu ħafna fallimenti fil-ħajja tiegħu iżda li baqa’ dejjem jittama li l-lejl ser jgħaddi u d-dawl kien ser jidher. Christopher tilef kollox, inkluż il-mara u, għal xi żmien, anke lit-tifel. Tilef id-dar u kull sigurtà li kellu f’ħajtu. Għamel żmien jgħix bla dar, homeless, u meta ma kienx isib saqaf fuq rasu, kien jorqod fil-latrina tal-istazzjon tal-underground. Iżda baqà jittama, ma qatax qalbu! Kellu ħolma u kien jaf fejn irid jasal, u minkejja s-sagrifiċċji kbar li kellu jagħmel, baqà jittama sakemm għadda l-lejl u beda jżernaq! Illum il-ġurnata, Christopher Gardner għandu 67 sena, u l-ġid tiegħu huwa stmat li jlaħħaq madwar $70 miljun. Iżda l-aktar ħaġa


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.