Programm tal-Festa 2021
73
“B’qalb ta’ Missier”
Sena Ġużeppina 08.12.2020 – 08.12.2021 Nhar it-8 ta’ Diċembru 2020 ġie mfakkar il-150 anniversarju minn meta l-Beatu Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Kattolika. F’dak l-anniversarju speċjali, ilPapa Franġisku ħareġ l-Ittra Appostolika ‘Patris Corde - B’Qalb ta’ Missier’, u ddikjara li sat-8 ta’ Diċembru 2021 tiġi ċċelebrata Sena Ġużeppina. B’dan il-mod, qed tingħatalna opportunità li fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp nissaħħu fil-fidi u fir-rieda tagħna f’Alla. Fil-ktejjeb li l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli ħejjiet issena li għaddiet fl-okkażjoni tal-festa titulari ta’ Santa Marija, ġie pubblikat artiklu dwar il-figura tal-patrijarka San Ġużepp, xbihat Ġużeppini f’ĦadDingli u l-istorja tal-bastun ta’ San Ġużepp. Dan sar bi tħejjija għall-fatt li fil-ġranet tal-festa, fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli kellna fostna l-bastun devot tal-istatwa ta’ San Ġużepp miżmum b’għożża fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp fir-Rabat. L-inizjattiva ttieħdet fid-dawl tal-fatt li fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-2020, il-Knisja Kattolika kienet se tfakkar il-150 sena minn meta San Ġużepp ġie dikjarat bħala Patrun tal-Knisja Universali. Billi f’dak l-anniversarju importanti, ilPapa Franġisku ddikjara li se tibda Sena Ġużeppina, ħsibna li bħala mezz ta’ katekeżi nippubblikaw l-introduzzjoni sħiħa tal-Ittra Appostolika ‘Patris Corde - B’Qalb ta’ Missier’, segwita minn taqsira tal-ħsibijiet li l-Papa kompla jiżviluppa fl-istess ittra. Fl-għeluq qed nippubblikaw ukoll parti millIttra Pastorali li l-Isqfijiet Maltin ħarġu għar-Randan 2021 fejn irreferew għall-figura ta’ San Ġużepp f’din is-sena li l-Knisja qed tiddedika lilu. L-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Patris Corde - B’Qalb ta’ Missier’ Introduzzjoni B’qalb ta’ missier: dan hu l-mod kif Ġużeppi ħabb lil Ġesù, li fl-erba’ Evanġelji nsibuh imsejjaħ “bin Ġużeppi”. Iż-żewġ Evanġelisti li xeħtu dawl fuq il-figura tiegħu, Mattew u Luqa, ftit jirrakkuntawlna, imma biżżejjed biex juruna xi kwalità ta’ missier kien u l-missjoni li fdatlu f’idejh il-Providenza. Nafu li hu kien mastrudaxxa umli (ara Mt 13:55), l-għarus imwiegħed ta’ Marija (ara Mt 1:18; Lq 1:27); “raġel ġust”(Mt 1:19), dejjem lest biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla li dehret fil-Liġi tiegħu (ara Lq 2:22,27,39) permezz ta’ mhux inqas minn erba’ ħolmiet (ara Mt 1:20; 2:13,19,22). Wara vjaġġ twil u