Intervista
IT-TIEĠ TA’ GLEN U SANDRO
Wara 19-il sena flimkien jiżżewġu! Fl-2017, Sandro għamel l-ewwel pass u f’nofs Pariġi, quddiem it-Torri Eiffel, niżel għarkupptejh u stieden lil Glen Vella li jaċċetta proposta għaż-żwieġ. M’għandniex xi ngħidu Glen qabeż bil-ferħ! Tliet snin wara Glen u Sandro żżewġu, iżda t-triq xejn ma kienet faċli għal dawn it-tnejn! “It-tir tagħna kien ż-żwieġ, mhux l-ikla ta’ wara! Stajna nkunu jien u Sandro biss. Covid-19 u mhux, seta’ kien x’kien, diment li ż-żwieġ seta’ jsir, xejn ma seta’ jwaqqafna milli niżżewġu,” jgħidilna Glen f’intervista. Il-pjan oriġinali kien li jiżżewġu fil-11 t’April, iżda dak iż-żmien l-awtoritajiet ma kinux qed jagħtu permess li jseħħu ż-żwiġijiet minħabba l-pandemija. Għal Glen u Sandro l-importanti kien iż-żwieġ tagħhom u riedu jibqgħu għaddejjin akkost ta’ kollox. L-istress għal dawn it-tnejn kien kbir, biss biss il-pjanijiet li kienu ilhom jaħdmu
22 GWIDA Ottubru 2020
fuqhom fl-aħħar sena kellhom iħassruhom ġimagħtejn qabel. “Fiċ-ċerimonja involvejna ħafna ħbieb u familjari li huma l-aktar viċin tagħna. Kien hemm ukoll involuti l-Animae gospel choir. Aħna ridna li ċ-ċerimonja tirrifletti d-dsatax-il sena flimkien. Bdejna b’filmat li kien jeħodna lura fl-ewwel ġurnata u baqa’ sejjer sa dakinhar tat-tieġ. Wara kien hemm in-neputijiet, ix-xhieda u l-grooms squad (Rachel, Pamela, Kevin, Mariella u Angela) li għamlu d-diskors tagħhom fuqna. Fl-intervall ta’ kull diskors kien hemm il-kor ikanta kanzunetta li għandha x’taqsam ma’ dak li jkun intqal. Mill-bqija, t-tieġ li kellna pjanat ħassarna kollox u ħloqna kollox mill-bidu f’ġimagħtejn biss!” jgħid Glen. Ġimagħtejn impenjattivi, b’Glen u Sandro jkollhom iqumu kuljum
fis-sitta ta’ filgħodu u jorqdu fissagħtejn ta’ filgħodu. Dan minħabba t-tibdil fir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija u l-effetti tagħha. Glen jgħidilna li fl-aħħar minuta kellhom ibiddlu s-sala taċ-ċerimonja; kellhom jagħżlu banda ġdida għax kienu kollha fi kwarantina u saħansitra xi mistednin kellhom jikkanċellaw għax kienu infettati bil-coronavirus u tilfu t-tieġ. Peress li t-tieġ kien bilqiegħda u fi gruppi ta’ għaxra, riedu jbiddlu s-seating plan kemm-il darba sabiex kollox ikun konformi mal-liġi. Inzerta li tlett ijiem qabel it-tieġ imut il-kelb ta’ wieħed mill-groom squad li wkoll tellef ftit mill-entużjażmu għat-tieġ. Mhux ta’ b’xejn iċ-ċelebrant biex żewwiġhom qalilhom, “U issa fl-aħħar niddikjarkom miżżewġin!” Noel Formosa, is-sindku ta’ San Lawrenz (Għawdex) kien iċ-ċelebrant f’din iċ-ċerimonja – ħabib kbir ta’