GWIDA OCTOBER 2020

Page 26

Editorjal

DRAWWIET ANTIKI MHUX FAĊLI JINTESEW Sarah hija tifla ferriħija ta’ tnax-il sena mill-Ghana u għandha futur sabiħ quddiemha. Tħobb tilgħab ma’ sħabha, tgawdi u tistudja l-Matematika, ix-Xjenza, l-Ingliż u r-Reliġjon, u qiegħda minn tal-ewwel fil-klassi tagħha ta’ 35 student u studenta. Ftit iktar minn seba’ snin ilu, bħala tifla żgħira, il-ħajja ta’ Sarah kienet miexja f’direzzjoni inċerta. Sarah kienet ittimbrata li hija saħħara u sfat akkużata b’mod inġust bil-mewt ta’ ħmistax-il persuna mil-lokal fiż-żmien li kienet tifla żgħira. It-tifla ta’ erba’ snin kellha impediment biex titkellem, u xi wħud fil-komunità kienu jemmnu li hija ‘wild tal-ispirtu’ skont it-twemmin tradizzjonali li jassoċja mġiba anormali jew diżabilità mal-ispirti ħżiena. Uħud minn dawn il-membri tal-komunità, inkluża l-familja stess ta’ Sarah, irrabjaw għaliha minħabba l-inkapaċità jew in-nuqqas ta’ rieda tagħha li titkellem, warrbuha u heddew li joqtluha. B’xorti tajba Swor Stan Therese Mumuni u l-Knisja lokali filGhana saru konxji tal-periklu imminenti li Sarah kienet fih. Huma avviċinaw lill-komunità u Swor Stan iġġieldet, kważi fiżikament, biex issalva lil Sarah mill-iktar destin terribbli, u biex tagħtiha ċans għal ħajja ġdida. Dar Nazaret għat-Tfal ta’ Alla fid-Djoċesi ta’ Yendi fil-Ghana, hija kenn fejn tfal ta’ kull età huma maħbubin u kkurati mingħajr l-ebda kundizzjoni. Swor Stan Therese Mumuni ddedikat dawn l-aħħar għaxar snin sabiex tmexxi din id-dar. Hija ssalva tfal bħal Sarah li setgħu ġew mhedda jew jinsabu fil-periklu millfamilja jew mill-komunità tagħhom stess. Bħalissa Swor Stan tieħu ħsieb iktar minn 60 tifel u tifla, li jvarjaw fl-età minn ftit ġimgħat sa 18-il sena. Hija tagħtihom sigurtà, ikliet nutrittivi, 26 GWIDA Ottubru 2020

Addattament Claudia Cini

kura tas-saħħa u edukazzjoni. Swor Stan tiżgura li t-tfal jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità biex għada pitgħada jiksbu xogħol u jkunu kapaċi jmantnu lilhom infushom. Il-ħolma tagħha hija li xi darba jmorru lura lejn il-komunità tagħhom u juru kif l-imħabba u l-appoġġ tal-Knisja tawhom is-setgħa biex jiżviluppaw u jilħqu l-għanijiet tagħhom. Dar Nazaret hija waħda mill-ħafna inizjattivi kritiċi stabbiliti mill-Knisja Kattolika fil-Ghana sabiex issalva u ssostni l-ħajja tażżgħażagħ l-iktar vulnerabbli tal-pajjiż. Mingħajr l-isforzi bla heda ta’ Swor Stan, u missjunarji, reliġjużi u lajċi oħra madwar il-pajjiż, ħafna tfal jitilfu dak kollu li għandha x’toffri l-ħajja. Madankollu, is-sopravivenza ta’ dawn il-programmi, u t-tfal u ż-żgħażagħ li jibbenefikaw tant minnhom, tiddependi ħafna fuq l-appoġġ tagħna lkoll. Il-Knisja u l-Gvern tal-Ghana qed jagħmlu progress kbir fil-programmi edukattivi f’tentattiv biex ibiddlu dan ittwemmin. Madankollu kif jgħid l-Isqof ta’ Yendi, Vincent Sowah Boi-Nai: “Drawwiet antiki mhux faċli jintesew.” Jekk l-edukazzjoni dwar id-diżabilità tilħaq aktar komunitajiet fil-Ghana, b’xorti tajba huwa inqas probabbli li jerġgħu jseħħu stejjer bħal ta’ Sarah. Madankollu, it-tfal b’diżabilità jkomplu jiffaċċjaw diskriminazzjoni, rifjut u nuqqas ta’ opportunità fil-Ghana, u ħafna drabi ma jkollhom imkien u lil ħadd lejn min iduru. Biss, id-diliġenza tal-membri tal-komunità lokali u bilfomm, iwasslu biex Swor Stan tintervjeni u ssalva tfal bla difiża jekk ikunu f’periklu immedjat ta’ theddida għal ħajjithom. Sarah titkellem bil-qalb dwar Swor Stan: “Inħobbha għaliex salvatli ħajti”. Jekk mhux għall-ħidma ta’ Swor Stan, Sarah setgħet ma tkunx ħajja llum.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.