GWIDA JUNE 2021

Page 59

Intervista

MARK SPITERI LUCAS

Ritratt: Darrin Zammit Lupi

B’kanzunetta ddedikata lil bintu! Fil-festival tal-kanzunetta Maltija, Mużika Mużika, ħa sehem Mark Spiteri Lucas b’kanzunetta bit-titlu, Lil Binti. Kanzunetta sempliċi b’ lirika li tmisslek qalbek. Fix-xahar iddedikat lil missirijiet xtaqna li nitkellmu ftit iktar fuq din il-kanzunetta mal-kantawtur Mark Spiteri Lucas. Meta nibtet l-idea ta’ din il-kanzunetta? Il-kanzunetta ktibtha fi Frar tas-sena l-oħra qabel ma għalaqna għall-pandemija bit-tir li tiġi użata f’ L-Għanja tal-Poplu bl-orkestra. Però dan il-festival ma sarx blorkestra u ddeċidejt li nżommha fil-kexxun. F’Awwissu kien hemm is-sottomissjonijiet ta’ Mużika Mużika u għaddiet mill-ewwel fażi, għaddiet ukoll mil-live audition u ntgħoġbot ħafna minn dawn il-ġurija sakemm waslet għall-festival. Emmint u għadni nemmen ħafna fid-diska għax twieldet b’mod maġiku. Niftakarni nħarbex l-ewwel versi li nibtu meta kont nara xi episodju ħelu tiegħi ma’ binti. Ħadt pjaċir nisma’ minn għalliema li qed jużaw din il-kanzunetta fil-lezzjonijiet tagħhom tal-Malti. Ħafna drabi mdorrijin narawk fuq pjanu. Din id-darba kont int biss u mikrofonu fuq il-palk. X’fettillek? Is-soltu nidher wara l-pjanu però din id-darba xtaqt nagħmel xi ħaġa differenti. Xtaqt nagħti l-ħajja lill-kliem

billi nkanta mingħajr pjanu u nuri l-emozzjonijiet tiegħi fuq din id-diska. Ridt noħroġha aktar minn qalbi, għalhekk ma qgħadtx wara bil-pjanu bħas-soltu. X’qaltlek it-tifla xħin semgħat din il-kanzunetta? Xħin kienet lesta minn kollox semmajtha lit-tifla u tgħidx kemm ħadet pjacir u għoġbitha u żifnet magħha. Safrattant anki korjografija taż-żfin għamlet magħha. Ħadt gost naraha tieħu pjaċir bi kreazzjoni li għamilt jien mill-bidu salaħħar. Minn hemm bdejt insemmagħha lil sħabi u familjari, u bdejt nieħu rispons li ntgħoġbot ħafna. Kif inhi r-relazzjoni tiegħek mat-tifla? Inħoss li hi tajba ħafna; daddy girl relationship. Nipprova nqatta’ naqra ħin ta’ kwalità kemm nista’. Nieħu interess fl-istudji tagħha u ġieli noqogħdu naqraw flimkien speċjalment bil-Malti peress li jien għalliem tal-Malti. Tiftakar meta twieldet jew sirt taf li ħa tkun papà? Meta sirt naf li ħa nkun missier kienet xi ħaġa vera sabiħa u kont vera ferħan. Ħassejt dan il-mument bħala rigal kbir. Kont preżenti wkoll għall-ħlas u għat-twelid tagħha wkoll. Appena twieldet żammejtha jien għax il-mara kellha bżonn isirilha intervent żgħir u għamilt xi siegħa b’din it-tarbija f’idi avolja kont nibża’ nżomm trabi ta’ nies oħra f’idi. Imma t-tifla differenti; kont żammejtha għal ħin twil. Esperjenza unika u tibqa’ stampata ġo moħħi.

GWIDA Ġunju 2021 59


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.