GWIDA JUNE 2021

Page 67

EPISODJU 6/ L-EWWEL STAĠUN

IL-GIDDIEB GĦOMRU QASIR (It-tielet parti) Skript miktub minn Audrey Brincat Dalli Produzzjoni SharpShoot Media ltd. Adattament għall-GWIDA minn Anthony M. Baldacchino

X’ġara s’issa? Lilly kienet qed taqra d-djarju ta’ Lydia u ntebħet li Lydia kienet tqila. Sintendi din ma kinitx taf u ħassitha traduta li l-akbar ħabiba tagħha ma qaltilhiex b’dan is-sigriet.

Lydia kienet bilqiegħda madwar mejda fejn kien hemm il-baħrin jixorbu, imma moħħha kien fuq Lilly. Lilly kienet qed tkompli mal-klijenti tagħha u meta nnutat li Lydia kienet qed tħares lejha, dlonk ħarset naħa oħra. It-tensjoni bejn dawn it-tnejn kienet kbira wisq. Lydia ħalliet il-medja bil-baħrin warajha u marret dritt fuq Lilly. Kien għalxejn li baħri minnhom nebbaħha li ried jixrob, għax ir-risposta tagħha kienet, “stenna”. Xħin waslet fuq il-mejda ta’ Lilly... Lydia: Int ħa tibqa’ bin-nervi? Mhux se tkellimni?

Lilly: M’intix tara li qed naħdem ...u int aħjar tkompli ma’ tiegħek ...issa l-flus ħa jkollok bżonnhom, mhux se tibqa’ waħdek! Lydia: (ħarset madwarha mħassba) Xxxxxxxx Lilly please!

Lilly: Ma għidt xejn jien, min tridu jismagħni, mur kompli.

Lydia: Tagħmilhiex tas-supperva miegħi, kelli dritt inżommha għalija xi ħaġa bħal din u taf.

Lilly: (ma felħitx aktar u nfexxet tgħajjat ma’ Lydia) Jien supperva! Jien supperva ...wara li lqajtek ġo dari u trattajtek qisek oħti! (Stella ġlieda bħal din kilitha, baqgħet tħares lejn dawn it-tnejn jiġġieldu u tieħu gost bil-livell ta’ għajjat li kienu qed jagħmlu. Iżda ma kellha ebda idea fuq xiex setgħu kienu qed jiġġieldu) Lydia: Aqtagħha issa biżżejjed. Taf li napprezza li għamilt miegħi u anke għalija int kont qisek oħti. Lilly: Lil oħtok ma tigdbilhiex!

Lydia: Jien ma gdibtlekx, ma għidtlekx kollox, dak kollox.

Lilly: Prosit qed inħossni aħjar...sinjal li ma tafdanix! Ara jien il-belha jkolli musmar f’sormi wkoll ngħidlek. Lydia b’din il-frażi ma fehmet xejn u baqgħet perplessa fuq x’setgħet twieġeb. Kien għalhekk li Lilly indunat li użat frażi li din ma fehmet xejn minnha. Lilly: Dik espressjoni!

Lydia: Modo di dire fhimt!

Polly: (innutat li dawn it-tnejn kienu qed jitlewmu) Dawk jiġġieldu qegħdin ...Illum niżlet xi stilla l-ħanut jaqaw? (malajr marret f’nofshom biex tofroqhom). Hawn x’ġej? Ara ma nibdewx b’xi kummiedji ġodda ta! Lilly baxxi leħnek u kompli. U inti Lydia lesta? Filkas itla’ kanta xi ħaġa. Lydia ħadet nifs ’il ġewwa u kompliet mal-baħri li kienet qiegħda miegħu fuq il-mejda. Stella kienet kuntenta bil-ġlieda ta’ Lydia u Lilly u pronta marret fuq Lydia biex tiskopri aktar. Stella: Mela m’għadniex ħbieb tal-qalb? Eh? Lydia: M’għandix aptitek Stell, ħallini.

Stella: M’għandhiex aptiti l-prinċipessa ħej ...mhux se tkantalna llum? Stella timbotta lil Lydia minn daharha, u Lydia tqum għaliha iżda tiftakar li kienet tqila u li l-aħjar ma tieħu ebda riskju. Lilly li bdiet tara kollox, marret fuq Stella biex twaqqafha!

Il-Giddieb Għomru Qasir - 96

GWIDA Ġunju 2021 67


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.