EPISODJU 7/ L-EWWEL STAĠUN
XEWQAT IL-QALB (It-tielet parti) Skript miktub minn Audrey Brincat Dalli Produzzjoni SharpShoot Media ltd. Adattament għall-GWIDA minn Anthony M. Baldacchino
Omm Victor mill-ewwel ikkoreġietu għal kemm-il darba huma ftiehmu li dan jista’ jmur il-maħżen u pront ikkoreġietu li jista’ jmur tliet darbiet. Victor pront jaċċetta u jerġa’ joħroġ bl-iskuża, “ma jmurx nispiċċa nitħarbat mat-tfal tat-triq”. Missier Victor ħares lejn Carmen biex jistaqsi fuq xiex qed jitkellem Victor u din kellha tirrakkuntalu kif din l-għodwa sabet il-pulizija wara l-bieb. Missier Victor xejn ma ħa gost bl-aġir tattifel tiegħu u widdbu biex irabbi l-għaqal. Kien hawn li Victor wiegħdu li l-maħżen ser jgħinu biex iqatta’ ftit ħin miegħu u jinġabar f’post sigur. Carmen kienet iktar isserraħ rasha jekk Victor ikompli jmur ma’ missieru, imma mur għidilha fejn verament kien imur. Jeffrey ma tantx kien konvint minn din id-deċiżjoni li jerġa’ jibda jiġi miegħu u pront oġġezzjona. Ma xtaqx ikompli jigdeb lil martu iżda pronta din wieġbet... Carmen: Aħna ħa naraw kif jibda jmur l-iskola. Jekk imur ħażin jispiċċa kollox. Aħjar milli jagħmilha mat-tfal hawn barra Jeffrey, mhux aħjar! Victor jiġri jgħannaq lil missieru biex ma jagħtih ebda ċans jerġa’ jgħid xi ħaġa kontra. Jeffrey xorta ma jgħid xejn, kien imħasseb. Victor: Qed tara papà! Ħa nerġa’ nibda niġi miegħek nagħmlu l-karrijiet. (filwaqt li jagħtih tegħmiża bis-serqa ta’ ommu) F’dik il-lejla, eċitat daqs Victor kien hemm Mario li kien qed iħuf fit-toroq tal-Belt ifittex l-imħabba ta’ ħajtu. Daħal f’kull bar li ra u kien imiss dak ta’ Polly. L-ewwel impressjoni tiegħu kienet ta’ diżgustaġni. Ma tantx ħa pjaċir bl-għajjat u l-aġir tal-baħħara. Waħda min-nisa li laqtet lil Mario kienet Stella. Dak il-ħin il-bar kien mimli ħajja, mużika, nies jidħqu u jixorbu. Stella segwiet lil Mario u fl-aħħar dan innota l-aġir tagħha u waqaf biex tkellmu. Stella toffrilu grokk, iżda Mario jgħidilha li ma marx hemm biex jixrob iżda biex ifittex lil Lilly. Stella: Xi tridha lil Lilly?
Mario: Ġejt tajjeb mela! Għax qaluli li taħdem hawn u tgħix xi mkien viċin ukoll.
Stella: Lilly hawn taħdem. Imma għadha ma ġietx illum. Tridni ngħinek jien?
Mario: Lilha għandi bżonn inkellem, għax naħseb li taf lil xi ħadd li qed infittex. Stella tibda tinteressa ruħha imma peress li kienet għadha ma fehmet xejn, kompliet titkixxef.
Stella: Lil min qed tfittex? ...Hawn naraw ħafna nies kuljum. L-ismijiet mhux kollha nkun nafhom, imma wiċċ ma ninsieh qatt. Eżatt xħin Mario kien ser joħroġ ir-ritratt ta’ Lydia, Reno jsejjaħ lil Stella. Reno: Stell! Stell għinni naqra sabiħa!
Stella: M’intix qed tara li qed nitkellem.
Reno: Mhux aħjar toħroġ tgħinni bil-kaxxa ...għax dejjem jitqalu iktar ma mmorru,sabiħa! Jekk jogħġbok. (Stella tinduna li Reno ried ikellimha urġenti fuq biċċa xogħol personali. Polly tisma’ din il-konversazzjoni minn wara l-bar u taqbadha l-kurżità fuq ir-relazzjoni ta’ dawn it-tnejn)
Stella: Mela niġi hux! Skużani waħda ...daqt inkompli miegħek. Stella u Reno joħorġu barra mill-bar. Mario baqa’ hemm jistenna lil Lilly waqt li Polly issegwi lil dawn it-tnejn u tipprova tgħarrex biex tisma’ fuq xiex qed jitkellmu, mingħajr ma tħalli lil ħadd minnhom jaraha. Reno: Ħu paċenzja ara x’ser tivvinta biex tmur int illejla....
Stella: Reno taf li ma nistax.
Reno: Mhux ma tistax, ma tridx.
Stella: Taf li niddejjaq jekk jarani, ma rridx inkwiet.
Reno: Dawn kollha flieles ta’ moħħok ...l-inkwiet tivvintah int! Xewqat il-Qalb - 108
GWIDA Settembru 2021 65