Programm tal-Festa 2019
73
L-Azzjoni Kattolika f’Ħad-Dingli 21 sena ta’ appostolat il-parroċċa tagħna Ma kienx moviment li dam snin twal attiv f’Ħad-Dingli, iżda ż-żmien li għamel kienu snin ta’ ħidma mingħajr waqfien fl-appostolat fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti. L-Azzjoni Kattolika kienet preżenti f’Ħad-Dingli għal ftit aktar minn 20 sena. Daħlet fir-raħal mal-bagalja ta’ esperjenzi li ġabu r-refuġjati li sabu kenn hawnhekk fit-Tieni Gwerra Dinjija, ewlenin fosthom Dun Ġorġ Mercieca. It-tmiem tagħha ħalla vojt iżda mtela tajjeb mill-ħidma tas-Salesjani ta’ Don Bosco. Attiv tul is-snin li l-Azzjoni Kattolika kienet preżenti f’Ħad-Dingli, PAUL ABELA, li jikteb dwar l-istorja u ħidmet dan il-moviment Kattoliku f’Ħad-Dingli. L-Azzjoni Kattolika hi għaqda ta’ lajċi Kattoliċi li twaqqfet fl-Italja fl-1905 fi żmien il-Papa Piju X bħala l-id il-leminija tal-Knisja fl-appostolat tagħha fil-ħajja ordinarja. Dan isir mhux biss bit-tixrid tat-tagħlim iżda l-aktar bil-ħidma, bl-azzjoni. F’Malta, l-Azzjoni Kattolika bdiet fl-1930. Fost il-kontribut tal-Azzjoni Kattolika nsibu: l-istampa t-tajba permezz tal-gazzetta l-Leħen is-Sewwa li ilha tiġi ppubblikata mill-1928; il-media mxandra permezz tal-programm Is-siegħa tal-Morda li kien jixxandar fuq ir-Rediffusion; l-appostolat talemigrazzjoni bit-twaqqif fl-1949 tal-Kummissjoni Emigranti li għadha topera sal-lum taħt il-kappa tal-Knisja; l-organizzazzjoni tal-kampijiet tas-Sajf għat-tfal; it-twaqqif fl-1962 tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi; it-tmexxija tad-Dar tal-Anzjani Sagra Famija fin-Naxxar; il-ħidma tas-Segretarjat Assistenza Soċjali u l-Kummissjoni Ħidma Morda; u l-inizjattivi taż-żgħażagħ permezz taż-ŻAK. Din il-ħidma hi sostnuta mill-friegħi tal-irġiel u tan-nisa fiċ-ċirkoli li l-Azzjoni Kattolika għandha f’diversi parroċċi. Fil-preżent, l-Azzjoni Kattolika għandha madwar 1,500 membru. F’Ħad-Dingli wkoll kellna dan il-moviment attiv fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Man-nies li Ħad-Dingli laqa’ fil-gwerra kien hemm bosta minn Raħal Ġdid. Fosthom kien hemm uħud li kienu attivi ħafna fl-Azzjoni Kattolika, qabel ġew hawnhekk bħala refuġjati. Fis-snin tal-gwerra ma setgħux iwaqqfu sede tal-għaqda hawnhekk, kif xtaqu, għax kien impossibbli jsibu jikru x’imkien għal dan il-għan. Madankollu, huma bdew jgħinu lill-Kappillan b’sehem attiv fil-funzjonijiet talknisja. Fost l-ewwel inizjattivi tagħhom kien hemm it-twaqqif ta’ Schola Cantorum li kienet tikkonsisti fi grupp ta’ rġiel li jkantaw fl-attivitajiet tal-parroċċa taħt id-direzzjoni ta’ Dun Ġorġ Mercieca li kien idoqq l-armonju. Dun Ġorġ stess kien wieħed mir-refuġjati Pawlisti li sab kenn f’Ħad-Dingli tul il-gwerra. Kien jieħu ħsieb ukoll l-abbatini. Meta fl-1941 tbiddel il-Kappillan u ġie Dun Karm Azzopardi, li nzerta minn Raħal Ġdid, ilkoperazzjoni ma’ dan il-grupp ta’ persuni kompliet tikber u magħha x-xewqa li l-Azzjoni Kattolika jkollha preżenza f’dan ir-raħal.
Dun George Mercieca