28
Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli
Sena ta’ ħidma fuq diversi proġetti
Ħarsien ta’ patrimonju u inizjattivi ġodda
Fil-ktejjeb tal-festa tas-sena l-oħra konna tkellimna fuq it-tnax-il xahar ta’ qabel bħala ‘Sena Ta’ Preparamenti’. Illum nistgħu nħarsu lura lejn l-aħħar sena bħala waħda ta’ ħidma kbira fuq diversi proġetti, uħud tlestew, oħrajn viċin li jkunu lesti u oħrajn għadhom fil-bidu. F’dan l-artiklu l-Perit DAVID VASSALLO jagħti ħarsa lejn x’sar fit-tnax-il xahar li għaddew. Restawr b’ko-finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea Wara li f’Lulju 2019 ingħataw iż-żewġ kuntratti - dak għar-restawr ta’ njam (l-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista u l-pedestall tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju) u dak għar-restawr tal-pittura fuq ilħajt tan-niċċa tar-Rużarju - hekk kif għaddiet il-festa tas-sena l-oħra, proprju fil-bidu ta’ Settembru, l-istatwa ta’ San Ġwann Battista ttieħdet mis-sagristija fejn kienet tinżamm lejn il-faċilitajiet talkumpanija Atelier Del Restauro li rebħet dawn il-kuntratti tax-xogħol. Fl-istess żmien beda wkoll ix-xogħol fuq in-niċċa biex titneħħa l-wallpaper li kienet tgħatti l-pittura li kien hemm fuq il-ħajt. Lejn nofs Ottubru, mbagħad, ittieħed ukoll il-pedestall tar-Rużarju biex fuqu jsir xogħol ta’ tiswija, tindif u nduratura mill-ġdid. • In-niċċa, il-pedestall u l-istatwa tar-Rużarju Ix-xogħol fuq il-ħajt tan-niċċa kien wieħed metikoluż li rrikjeda attenzjoni u paċenzja kbira biex kemm jista’ jkun, hu u jinqala l-kisi li kien sar fuq il-ħajt, il-pittura antika fuq il-ħajt tiġi salvata b’mod sħiħ. Tajjeb ngħidu li din il-pittura hi magħmula bit-teknika trompe l’oeil, terminu li jirreferi għall-illużjoni li toħloq fl-għajn biex il-pittura tidher daqs li kieku l-ħajt hu skulturat. L-ispjega dettaljata ta’ dan il-proċess ta’ restawr issibuha f’artiklu ieħor f’dan l-istess ktejjeb, miktub mir-restawratriċi nnifisha. Ix-xogħol kollu tlesta lejn nofs Diċembru u n-niċċa ġiet inawgurata waqt il-quddiesa tal-aħħar tas-sena fl-okkażjoni tat-341 anniversarju mit-twaqqif millġdid tal-parroċċa. Sadattant bdiet ukoll il-ħidma ta’ restawr fuq il-pedestall tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. Anke d-dettalji ta’ dan ir-restawr huma nklużi fl-artiklu msemmi aktar qabel. Tajjeb ngħidu wkoll li l-parroċċa ħadet id-deċiżjoni għaqlija li, biex jiġi kkumplimentat dan il-proġett, isir ukoll it-tindif professjonali tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, xogħol l-iskultur Malti Karlu Darmanin. Dan ix-xogħol però ma kienx inkluż fil-ko-finanzjament b’fondi ewropej imma tħallas kollu mill-fondi tal-parroċċa. • L-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista Matul dan iż-żmien kien għaddej ukoll ix-xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista. Tajjeb infakkru li din l-istatwa għandha valur storiku kbir għaliex inġiebet Malta minn Rodi millKavallieri ta’ San Ġwann fl-1530. L-ewwel intervent kien jikkonsisti fit-tneħħija taż-żebgħa skura tal-istatwa. U hawnhekk waslet l-ewwel sorpriża meta mill-ewwel beda jidher li, taħt il-kisja żebgħa skura kien għad hemm ħafna miż-żebgħa oriġinali tal-istatwa. F’Novembru 2019 imbagħad, meta dan il-proċess ta’ tindif wasal fil-parti t’isfel fuq quddiem, bdew jinkixfu numru ta’ graffiti minquxin