4
Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli
Messaġġ mill-Arċipriet
Marija: saħħa tal-bnedmin kollha … qawwa fil-mumenti ta’ diffikultà
Il-ħolm hu xi ħaġa komuni għal ħafna minna. Uħud jiftakru ħafna, oħrajn ftit li xejn. Hemm min joħlom biss waqt li jkun rieqed, waqt li oħrajn joħolmu ma’ kull opportunità li jkollhom. Kultant, ħolma ma tkunx tixtieq li tispiċċa, waqt li ħolm ieħor titlob li qatt ma terġa’ tesperjenzah. Hemm ukoll esperjenzi li ngħaddu minnhom u li tkun tixtieq li tqum u tinduna li huma ħolma, u mhux ir-realtà, waqt li esperjenzi oħrajn niddeskrivuhom bħala ħolma sabiħa. Illum, xtaqt inkellimkom fuq ħolma li kellu żagħżugħ meta kellu madwar 26 sena, ħolma li qasamha magħna u li min jaf kemm-il darba smajniha, bla ma qatt konna nafu l-istorja warajha.
Fis-sena 1968, dan iż-żagħżugħ kien għaddej minn żmien diffiċli u mqalleb ħafna f’ħajtu. Kien tilef lil ommu meta kellu 14-il sena, u fit-taħwid li kien għaddej minnu, bilkemm kien qed isib ħin għal mistrieħ. Iżda darba minnhom, waqt li kien rieqed, ħolom ħolma minn dawk li ma xtaqx li tispiċċa. Hu ħolom li reġa’ ltaqa’ m’ommu, li kienet ilha mejta madwar 12-il sena u hi xtaqet biss tgħidlu ħaġa waħda: “let it be! All will be well!” L-għada filgħodu, dan iż-żagħżugħ qam ħafna aħjar mis-soltu, u ddeċieda li jikteb din l-esperjenza tiegħu f’diska. L-ewwel sentenza ta’ din id-diska hija hekk: “When I find myself in times of trouble, Mother Mary comes to me, speaking words of wisdom, let it be.” Din hi l-istorja wara waħda mill-aktar diski popolari tal-grupp The Beatles, proprju l-aħħar diska li bħala grupp kantaw flimkien, id-diska “Let it be.” Paul McCartney kien tilef lil ommu Mary Mohin McCartney fil-bidu taż-żgħożija. Din l-esperjenza mmarkatu sew f’ħajtu. Fid-diffikultajiet li kien għaddej minnhom, hu jħares lejn il-ħolma tal-laqgħa tiegħu m’ommu u jiddeskriviha bħala komfort kbir f’ħajtu. Fi kliem tant sabiħ jaqsam din il-ħolma magħna, tant li diversi jħarsu lejn din id-diska bħala waħda li qed tirreferi għal żewġ ommijiet: l-omm naturali u l-omm spiritwali. Fil-każ ta’ McCartney, it-tnejn kien jisimhom Mary. B’dan il-messaġġ xtaqt li nerġgħu niftakru f’din id-diska, partikularment l-ewwel sentenza, u napplikawha għal Ommna Marija. Ikollna nammettu li lkoll kemm aħna, flimkien, għadna kemm għaddejna minn esperjenza ta’ turbolenza. Il-coronavirus se nibqgħu niftakruha għal dejjem bħala l-pandemija li waqqfitna u li laqqgħatna ma’ esperjenza ta’ biża. Aħna wkoll għandna bżonn li nisimgħu minn fomm Ommna Marija dak il-kliem sabiħ: “ħallu kollox f’idejja, u kollox ikun tajjeb ħafna.” Forsi hu għalhekk illi fil-mumenti diffiċli li lkoll ngħaddu minnhom, għandna t-tendenza nduru fuq Marija u nitolbu l-interċessjoni tal-għajnuna tagħha. Xhieda ta’ dan huwa l-Papa Franġisku nnifsu.