Id-Dar tal-Providenza taħdem biex tipprovdi servizzi residenzjali individwalizzati, kemm fit-tul kif ukoll għal żmien qasir (respite), lill-persuni b’diżabilità b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Hi tara li tippromwovi l-iżvilupp personali ħolistiku u l-inklużjoni soċjali tal-persuni li jużaw is-servizzi tagħha, inkluż l-awtonomija tagħhom bil-għan li jsiru kapaċi jiddeterminaw ħajjithom huma stess. Matul din is-sena r-residenti tad-Dar komplew jingħataw is-servizz ta’ kura tal-bżonnijiet bażiċi tagħhom skont il-bżonnijiet varji – min ftit sapport biex jagħmel użu mill-kapaċitajiet tiegħu/tagħha u min aktar sapport għaliex id-diżabilità tagħhom hija severa ħafna. Madankollu, ir-residenti kollha pparteċipaw fl-attivitajiet ta’ kuljum jew dawk okkażjonali li ġew organizzati fid-Dar. Ix-xogħol mar-residenti huwa primarjament ikkaratterizzat minn assistenza fil-bżonnijiet tagħhom. Dan ix-xogħol huwa kkumplimentat minn xogħol ieħor li jarrekkixxi iżjed il-ħajja tar-residenti li s-support workers, l-ability promoters u l-fiżjoterapisti (fost oħrajn) jikkontribwixxu fih.
18 • Rapport Annwali 2019
Id-Dar tal-Providenzà